Sunday, December 22, 2024

L-OHSA b’tisħiħ fl-infurzar … il-ħajja ta’ kull ħaddiem għandha valur importanti

Aqra wkoll

“Kull mewt fuq il-post tax-xogħol għandna nagħmlu minn kollox biex tiġi evitata. M’għandniex nistrieħu biss fuq persentaġġi u statistiċi,” sostna fix-xhieda tiegħu l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi meta ġie msejjaħ biex jagħti x-xhieda tiegħu fl-Inkjesta Pubblika.

Però, fl-istess waqt qal li jagħraf l-importanza li tiġi analizzata r-realtà tal-inċidenti li jseħħu minn żmien għal żmien bil-għan li jiġu evitati traġedji fuq il-post tax-xogħol. Intant, huwa spjega li meta sar ministru talab stock take dwar is-sitwazzjoni attwali tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u permezz ta’ dan bħala ministeru bdew jaħdmu biex jaraw x’inizjattivi jeħtieġ li jittieħdu f’dan ir-rigward.

Minn dan irriżulta l-bżonn tal-outreach, b’mod partikolari fejn jidħlu l-ħaddiema barranin sabiex jingħataw iżjed għarfien f’dak li taħriġ tas-saħħa u s-sigurtà. Fil-fatt, huwa qal li l-OHSA aġixxiet dwar dan u saħħet l-inizjattivi tagħha biex ikun hemm iżjed infurzar.

Mistoqsi liema huma entitajiet u awtoritajiet jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, huwa semma fost oħrajn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

“Dawn l-awtoritajiet għandhom l-awtonomija u s-setgħat mogħtija kollha bil-liġi. Dawn l-aħħar sena u ftit xhur li ili Ministru responsabbli fejn jirrigwardja l-ippjanar kien hemm numru ta’ deċiżjonijiet fejn għamilna tibdil f’avviżi legali marbuta ma’ proċessi,” spjega l-Ministru Azzopardi.

Huwa kompla jgħid li fil-każ tal-BCA sar ħafna xogħol hekk kif fl-aħħar xhur tressqu ‘l quddiem diversi proċessi, emendaw avviżi legali, kif ukoll l-introduzzjoni tal-liċenzja tal-kuntratturi, apparti konsultazzjonijiet pubbliċi oħrajn. “Illum, il-poteri tal-BCA fejn jidħol il-proċess ta’ kostruzzjoni huwa regolat minn żewġ liġijiet sussidjarji. Waħda tirrigwardja t-terzi u l-oħra s-site management. Issa daħal il-proċess tal-liċenzjar tal-kuntratturi”.

10:00 a.m. “Mhux se narah jikber u jiżżewweġ … imma ma rridx li ibni jkun miet għalxejn”

Isabelle, bħal kull omm oħra li qatt ġarrbet it-telfa ta’ xi wild, b’mod speċjali f’età żgħira, qalet li t-telfa ta’ binha qanqlitha mistoqsijiet dwar il-pjanijiet li kellu binha għall-futur. Fosthom jekk kellux il-ħsieb li jiżżewweġ, u jekk iva, sfortunatament din ix-xewqa qatt mhi se taraha ssir realtà.

Ritratti: Talk.mt

“Mhux se narah jikber u jiżżewweġ … imma ma rridx li ibni jkun miet għalxejn. Ftit ftit bdejt naċċetta li kont tliftu b’mod kiefer. Nittamaw li l-mewt ta’ ibni tkun issarrfet f’tama għall-ħaddiema tagħna,” sostniet l-omm fix-xhieda tagħha.

9:30 a.m. “Tgħid qed iħoss il-bard … tgħid qed jgħajjatli ma? Tgħid muġugħ?” 

“Wasalna lura Kordin … ma kellix kuraġġ biex nersaq lejn il-binja. Il-ħsejjes kienu qawwija ħafna u bdejt nara d-dawl fejn kont. Preferejt nibqa’ miexja ‘l hemm u ‘l hawn. Il-ħin beda għaddej: nistenna, nittama, nibki … nispera li l-imħabba tiegħi tagħmel miraklu u jibqa’ ħaj”.

Qalet dan Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, hekk kif illum bdiet l-Inkjesta Pubblika.

Hija kompliet tgħid li f’dak il-mument bdew għaddejjin bosta mistoqsijiet minn moħħha: “Tgħid qed iħoss il-bard … tgħid qed jgħajjatli ma? Tgħid muġugħ?” 

Omm Sofia kompliet tispjega li dakinhar fuq il-post kien hemm diversi persuni u li ddeċidiet li żżomm id-distanza. Minn fejn kienet setgħet tara għadd ta’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’ħidma delikata.  

“Bqajt nistenna, imma t-tama bdiet tonqos … wara 16-il siegħa qaluli li ttella’ bla ħajja…”

Ekonomija

Sport