L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qed twieġeb għall-ispekulazzjoni riċenti fil-pubbliku dwar allegazzjonijiet ta’ trattament preferenzjali f’każ speċifiku. L-OHSA tiċħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet.
L-OHSA qalet dan fi stqarrija, fejn irrimarkat li timxi b’mod strett mal-mandat tagħh u tiżgura li timxi b’mod ugwali mal-individwi u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.
Ġie spjegat li meta każ jinġieb għall-attenzjoni tagħha, l-OHSA tibda investigazzjonijiet fil-pront biex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
F’dan il-każ speċifiku, l-OHSA ġiet infurmata dwar periklu potenzjali fuq is-sit. L-OHSA aċċertat li l-‘hoarding’ kien assenti, u dan kien qed joħloq riskju sinifikanti ta’ waqgħat mill-għoli. L-OHSA aġixxiet fil-pront billi kkuntattjat lis-sid tal-proprjetà, li mexa mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-istess Awtorità.
Il-każ għadu taħt investigazzjoni u monitoraġġ attiv sabiex tiġi evalwata l-konformità amministrattiva tas-sid u biex tiġi implimentata kwalunkwe azzjoni meħtieġa mill-Awtorità.
L-OHSA tibqa’ impenjata fil-missjoni ewlenija tagħha li tipproteġi l-ħaddiema u ttejjeb l-istandards tal-industrija, u dan f’konformità mad-direttivi tal-gvern, u li trawwem kultura ta’ responsabbiltà fil-postijiet tax-xogħol kollha. Dan l-impenn jidher mir-rwol strumentali tal-OHSA biex tiżgura li tgħaddi l-leġiżlazzjoni ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà u fit-twaqqif tal-helpline 138.
L-OHSA tħeġġeġ lill-pubbliku biex joqgħod fuq informazzjoni fattwali u jevita li jagħmel stqarrijiet mhux sostanzjati li jistgħu jimminaw il-ħidma tal-Awtorità.