Sunday, December 22, 2024

L-OHSA twaqqaf ix-xogħol f’478 post tax-xogħol

Aqra wkoll

Minn 3,724 spezzjoni li wettqet minn Jannar ta’ din is-sena sa issa, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) waqqfet ix-xogħol f’478 postijiet tax-xogħol kif ukoll ħarġet 689 multi amministrattivi li bejniethom ammontaw għal iktar minn kwart ta’ miljun ewro.

Fl-istess perjodu nbdew ukoll proċeduri legali f’112-il każ li 45 minnhom instabu ħatja fil-qrati ta’ Malta u Għawdex u weħlu multi li jammontaw għal €68,750. Dawn il-multi ingħataw lil diretturi ta’ kumpaniji, persuni li jħaddmu u persuni li jaħdmu għal rashom.

Il-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol fejn ġew innutati xi nuqqasijiet kienu siti ta’ kostruzzjoni. Ma’ dawn kien hemm ukoll postijiet oħra tax-xogħol fosthom stamperija u fabbriki.

Minbarra nuqqas ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà b’mod ġenerali, l-Awtorità sabet ukoll nuqqas ta’ evalwazzjoni tar-riskji, nuqqas ta’ sinjali ta’ saħħa u sigurta u miżuri ta’ tifi tan-nar kif ukoll nuqqasijiet fl-evakwazzjoni tal-ħaddiema.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti u n-nuqqasijiet serji oħra misjuba, l-Awtorita qed twissi li se tkompli tieħu azzjoni kontra min ma jħarisx is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Ekonomija

Sport