Wednesday, December 25, 2024

“L-okkupanza ta’ kmamar fil-lukandi tidher li se tkun ferm tajba, anzi aħjar milli stennejna” 

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod mill-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir u ftit ġimgħat qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajf, it-turiżmu jidher li reġa’ beda jirranka bil-mod il-mod wara l-perjodu xejn sabiħ li għaddiet id-dinja bil-pandemija tal-COVID-19. Dan ħabbru ċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Gavin Gulia meta mistoqsi minn dan is-sit dwar dak li qed jistenna li jiġri fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin f’dan il-qasam tant importanti għall-gżejjer Maltin.

Meta mistoqsi dwar il-prospetti f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija Maltija iktar u iktar meta ġejjin il-festi u l-okkażjonijiet oħra, Gulia kien fiduċjuż u ferm pożittiv fil-ħsibijiet tiegħu.

“Nista’ ngħidlek li l-okkupanza ta’ kmamar fil-lukandi f’Malta u Għawdex tidher li se tkun ferm tajba, anzi aħjar milli stennejna. Meta tqis li għad hemm xi ftit restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ u anke xi żidiet fil-varjant tal-Omicron fl-Ewropa kollha, din il-figura hi waħda ferm inkoraġġanti.”

Gavin Gulia fisser kemm dawn l-aħħar xhur kienu ta’ sfida kontinwa mhux biss għal-lukandi u r-ristoranti iżda wkoll għall-operaturi li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu li għaddew minn diversi diffikultajiet iżda li grazzi għall-gvern Malti u l-għajnuna finanzjarja flimkien mal-inċentivi li ngħataw, il-post tax-xogħol tagħhom ġie salvagwardjat.

Sadanittant Gulia tkellem ukoll fuq l-istaġun tas-sajf li normalment ikun relatat ma’ turiżmu qawwi u li iżda minħabba l-pandemija tal-COVID-19 naqqas ferm fl-intensita’ tiegħu.

“Nista’ ngħidlek ukoll li l-prospetti għas-sajf li ġej jidhru ferm pożittivi hekk kif qed nistennew rata ta’ preżenza turistika li tlaħħaq iċ-ċifra ta’ 86% speċjalment mill-bookings li saru s’issa minn diversi turisti li qed jippjanaw il-vaganza tagħhom fil-gżejjer Maltin.”

“Tassew li din hi rata sabiħa ħafna li qed tibda tlaħħaq ukoll ma’ dik reġistrata fis-sena 2019 fejn kellna numru sabiħ ta’ turisti li żaru lil Malta u li qisuha bħala d-destinazzjoni ideali sabiex iqattgħu l-vaganza tagħhom.”

Meta tkellem fuq tliet snin ilu, Gulia rrimarka li dik kienet sena eċċezzjonali fejn kellna numru kbir ta’ sodod f’lukandi li kienu okkupati bil-konnettivita’ li kienet waħda ferm qawwija.

F’dik is-sena kien hemm ukoll żieda ta’ 21% fil-passiġġieri ta’ cruiseliners meta mqabbel mas-sena 2018. Mhux ta’ b’xejn li l-2019 kienet l-aqwa sena fl-aħħar tliet snin għaliex matulha ġew kważi 766,000 passiġġier – 133,000 aktar mill-2018.

Barra minn hekk l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li fl-2019 daħlu Malta 359 vapur tal-passiġġieri, 49 vapur aktar mis-sena ta’ qabel.

Iċ-chairman tal-MTA saħaq li l-pandemija tal-COVID-19 tellfet mir-ritmu qawwi li kien għaddej bih it-turiżmu u li kieku ma seħħx dan kollu l-prospetti għal dik is-sena setgħu kienu ikbar. Minkejja kollox, l-Awtorita’ Maltija għat-turiżmu qed taħdem qatigħ ma’ diversi entitajiet sabiex il-pjan ta’ rkupru li beda ftit tax-xhur ilu meta bdew jitneħħew bil-mod il-mod ir-restrizzjonijiet.

“Interessanti l-fatt li dan il-pjan ta’ rkupru qed ikun wieħed mexxej aktar milli gradwali speċjalment għax ċerti turisti barranin li kellhom f’moħħhom li jiġu Malta għall-btajjel tagħhom, baqgħu jsostnu dan il-fatt u din is-sena jistgħu jiġu jgawdu l-ħin liberu tagħhom hawnhekk. Kuntenti bir-rata li qbadna u qed naħdmu sabiex nerġgħu niġu fil-livelli li konna tliet snin ilu.”

Finalment meta mistoqsi fuq il-ġejjieni, Gavin Gulia qal li hu fiduċjuż li l-persentaġġi ta’ okkupanza ta’ sodod fil-lukandi u appartamenti jkompli jiżdied anke għax it-turiżmu hu wieħed mill-pilastri li jgħin sabiex l-ekonomija Maltija tkompli timxi ‘l quddiem. 

Ekonomija

Sport