Thursday, October 9, 2025

L-Olanda … wieħed mit-timijiet li għandu rekord stupend kontra Malta

Aqra wkoll

Mill-ewwel darba li Malta ffaċċjat il-qawwa tal-Olanda, f’Diċembru, 1982, kważi 43 sena ilu, issa ltqajna seba’ darbiet, l-ewwel sitta fil-preliminari tal-Kampjonat Ewropew u l-aħħar waħda u dik tal-lum tappartieni l-kwalifiki tat-Tazza tad-Dinja 2026 li se ssir fi tliet pajjiżi fl-Amerika ta’ Fuq li huma l-Kanada, il-Messiku u l-Istati Uniti.

Hawnhekk se naraw kif żvolġew il-konfronti kollha, min skorja s-36 goals Olandiżi mingħajr qatt ma skorjajnilhom u min kienu l-coaches ta’ kull logħba.

19 TA’ DIĊEMBRU, 1982

*l-ewwel logħba bejn Malta u l-Olanda saret fil-ground newtrali ta’ Aachen, fil-Ġermanja, li huwa bordura mal-Olanda. Dan seħħ minħabba li l-MFA ġiet sospiża żewġ logħbiet wara li l-logħba tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Polonja fil-Gzira Stadium ġiet abbandunata fit-78 minuta minħabba tfigħ ta’ oġġetti mill-partitarji Maltin.

Intant l-ewwel logħba sospensjoni ġiet skontata fi Sqallija bil-logħba ssir fil-ground ta’ Messina bl-avversarji jkunu l-Islanda li rnexxielna nirbħulhom bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals tagħna jiġu minn Ernest Spiteri Gonzi u Leli Fabri minuti biss qabel u wara l-mistrieħ.

Iżda f’Aachen kienet storja differenti meta l-Olanda bdew is-sensiela rebbieħa kontrina meta għelbuna 6-0 bil-goals jaslu f’intervalli regolari fejn fl-ewwel taqsima skorjaw minn Epo Ophof (21), Kees van Kooten (24), Hugo Hovenkamp (34) u Dick Schoenaker (39).

Fit-tieni taqsima Schoenaker (51) reġa’ skorja u 20 minuta wara Van Kooten (71) issiġilla r-rebħa.

Iż-żewġ coaches kienu Victor Scerri (Malta) u Kees Rijvers (Olanda).

17 TA’ DIĊEMBRU, 1983

*Ftit ġranet qabel ma Spanja għelbuna bl-iskor umiljanti ta’ 12-1, biex jagħmlu ċerta l-kwalifikaz­zjoni għall-finali tal-Euro 1984 riedu rebħa b’differenza ta’ 11-il goal u ġabuha żewġ għar-rabja tal-Olandiżi li baqgħu ma ħafrulniex sal-lum il-ġurnata.

Dak in-nhar l-attakkanti Carlos Santillana u Hipolito Rincon kel­lhom xalata meta sabu x-xibka erba’ darbiet kull wieħed.

Ir-rebħa tat-Tulipani kienet normali b’żewġ goals fl-ewwel taqsima minn Gerald Vanenburg (18) u Bennie Wijnstekers (29) u meta daru Frank Rijkaard (72, 93) u Peter Hautman (81) sabu x-xibka tliet darbiet oħra.

Il-coaches kienu Kees Rijvers (Olanda) u Guentcho Dobrev (Malta).

19 TA’ DIĊEMBRU, 1990

*Fit-tielet konfront il-goals komplew jikbru għax wara  s-6-0 u l-5-0 wasal l-ikbar wieħed s’issa, dak ta’ 8-0 quddiem il-pubbliku tagħna f’Ta’ Qali. U hawn bdiet ir-rabja tal-Olandiżi – u kif – tat-telfa kontra Spanja.

Din il-logħba kienet trijonf personali għal Marco van Basten li skor­ja ħames darbiet, l-ewwel tlieta li bihom għaqqad il-hat-trick waslu fl-10, fl-20 u fil-25 minuta jiġifieri fi spazju ta’ kwarta.

Huwa għamilhom poker fit-68 minuta u fit-80 minuta għaqqad iċ-cinquina personali mill-11-il metru, bl-oħrajn jiġu minn Aron Winter (51) u Dennis Bergkamp (58, 70) li skorja doppjetta.

Il-coach kienu Horst Heese (Malta) u Rinus Michels (Olanda).

13 TA’ MARZU, 1991

*Il-logħba ta’ tliet xhur wara kienet anti-climax ta’ dik ta’ qabilha meta kulħadd kien qed jibża’ li se naqilgħu goleada massiva wara t-8-0 f’Ta’ Qali.

Iżda l-Oranġjo ħarġu rebbieħa 1-0 biss f’Rotterdam bil-goal rebbieħ jasal fit-32 minuta minn penalty ta’ Marco van Basten meta quddiemu kellu lill-goalkeeper Reggie Cini li kien qed jilgħab it-12-il logħba għal Malta.

B’dan il-goal Van Basten huwa l-aqwa skorer tal-Olandiżi kontra Malta meta waqaf fuq sitt goals.

Iż-żewġ coaches kienu Rinus Michels (Olanda) u Horst Heese (Malta).

29 TA’ MARZU, 1995

*Il-ħames logħba saret f’Rotterdam u l-Olanda komplew jiskorjaw meta rebħuha 4-0 fejn wara li fetħu l-iskor fl-ewwel taqsima d-difiża tagħna kkrollat meta ċediet tliet goals fl-aħħar 13-il minuta.

L-ewwel goal wasal minn Cla­rence Seedorf (39) imbagħad Dennis Bergkamp (77) irdoppja minn penalty b’Aron Winter (80) jagħmilhom tlieta u finalment Patrick Kluivert (55) jgħaqqad l-erbgħa.

Il-coaches kienu Guus Hiddink (Olanda) u Pietro Ghedin (Malta).

11 TA’ OTTUBRU, 1995

*Ir-riżultat finali ta’ 4-0 huwa ripetizzjoni tal-logħba ta’ qabel iżda din id-darba din saret f’Ta’ Qali, bl-eroj tal-Olandiżi jkun Marc Overmars.

Huwa veru li Overmars ma skor­jax ħames goals bħal Van Basten fit-tielet logħba, iżda għandu d-distinzjoni li l-hat-trick li skorja fit-52, fil-61 u fil-65 minuta wasal fi spazju ta’ 13-il minuta, tnejn inqas mill-eks attakkant ta’ Milan. Il-goal l-ieħor wasal tard minn Clarence Seedorf (80).

Il-coaches kienu Pietro Ghedin (Malta) u Guus Hiddink (Olanda).

10 TA’ ĠUNJU, 2025

*Kellhom jgħaddu 30 sena biex nerġgħu niltaqgħu mal-Olandiżi. U din id-darba rrepetew l-iskor tal-1990, dak ta’ 8-0, fejn sabu x-xib­ka daqs iż-żewġ logħbiet preċedenti f’daqqa.

Intant f’din il-logħba l-goals Olandiżi waslu minn sitt players differenti, l-iktar li sabu x-xibka  kontrina.

Tliet xhur ilu l-Olandiżi ħarġu għalina qishom iljuni tant li ma waqfux minuta. B’hekk ma jidhirx li se jaħfrulna tat-telfa ta’ 21-1.

Il-goals tagħhom waslu minn Memphis Depay (9 pen, 16), Virgil van Dijk (20), Xavi Simons (61), Donyell Malen (74, 80), Noa Lang (78) u Micky van de Ven (92).

Il-coaches kienu Ronald Koeman (Olanda) u Emilio De Leo (Malta).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport