Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]
L-attività tal-imħatri hi aspett importanti li takkumpanja kull attività sportiva. Wara li segwejna l-Finali tal-Euro, issa għandna ċ-ċans li nsegwu wkoll l-Olimpijadi ta’ Pariġi 2024. Dan l-avveniment globali, mingħajr dubju, se jiġbed l-attenzjoni ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja, mhux biss minħabba l-kompetizzjonijiet sportivi nnifishom, iżda wkoll minħabba l-opportunitajiet estensivi għall-imħatri sportivi.
F’dan il-kuntest, l-Olimpijadi ta’ Pariġi 2024 se jipprovdu pjattaforma unika għal dawk kollha interessati fl-imħatri sportivi. Il-logħob se jinkludi varjetà wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi, mill-atletika sal-futbol, mill-għawm sal-ġinnastika, u minn sports tradizzjonali sa sports ġodda bħall-breakdancing.
Din il-varjetà tagħmel l-imħatri aktar eċċitanti, hekk kif il-parteċipanti jistgħu jagħżlu minn għadd kbir ta’ għażliet u jipprovaw ibassru r-riżultati.
Il-kumpaniji tal-imħatri se jkunu qed joffru għażliet numerużi għall-imħatri fuq l-avvenimenti differenti, inkluż l-imħatri fuq ir-rebbieħa individwali, ir-rebbieħa tat-tim, il-punteġġi finali, u ħafna aktar. Dawn l-imħatri jistgħu jsiru kemm oflajn kif ukoll onlajn, u b’hekk jagħmlu l-imħatri aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Wieħed mill-aspetti importanti hu r-regolamentazzjoni stretta tal-imħatri biex tiġi assigurata ġustizzja u trasparenza. L-operaturi regolarizzati se jkunu qed jieħdu passi biex jiżguraw li l-imħatri jsiru b’mod responsabbli, u li ma jkunx hemm frodi jew manipolazzjoni ta’ riżultati. Dan jinkludi kontrolli rigorużi fuq il-proċessi tal-imħatri, fejn entitajiet bħal tagħna jipprovdu wkoll edukazzjoni għall-pubbliku dwar ir-riskji tal-imħatri.
Matul dan l-avveniment, kull min għandu għal qalbu l-attività tal-imħatri sportivi, jew inkella kull min imħajjar li jilgħab flusu għall-ewwel darba, importanti li nżommu f’moħħna l-kunċett ta’ logħob responsabbli. Importanti ħafna li ma nkunux eċċessivi fil-logħob tal-azzard tagħna u nimxu mal-kontrolli finanzjarji u ta’ ħin.
Waqt li nilagħbu taħt kontroll, inżommu ‘l bogħod minn sustanzi bħall-alkoħol u d-droga u jekk se nkunu qed nitfgħu mħatra onlajn naraw li l-operatur hu liċenzjat u qed jimxi mal-obbligi tal-logħob responsabbli. Inżommu wkoll f’moħħna r-riperkussjonijiet li huma riżultat tal-eċċessività li jġibuna daharna mal-ħajt kemm finanzjarjament, soċjalment u kif ukoll emozzjonalment.
www.rgf.org.mt