Sunday, November 24, 2024

L-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024 miftuħin uffiċjalment taħt xita kontinwa

Aqra wkoll

Minkejja x-xita kontinwa li niżlet fuq Pariġi, iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku tal-2024, kienet waħda spettakolari, kuraġġuża, oriġinali u unika. Iċ-ċerimonja żgur ingħaqdet mal-aktar mumenti me­morabbli fl-istorja Olimpika.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Logħob Olim­piku tas-Sajf, iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ma saritx fi stadium. Paris 2024 fetħet triq ġdida billi daħħlet l-isports fil-belt u l-istess kien jgħodd għaċ-Ċe­rimonja tal-Ftuħ, li saret fil-qalba tal-belt matul l-arterja ewlenija tagħha: ix-Xmara Seine.

Filwaqt li ħadet immaġini ġdida, il-parata tal-atleti saret fuq is-Seine prattikament b’dgħaj­sa għal kull delegazzjoni nazzjonali. Dawn id-dgħajjes kie­nu mgħammra b’kameras biex it-telespettaturi tat-televiżjoni u online setgħu jaraw l-atleti mill-qrib.

Li jduru mil-lvant għall-punent, l-10,500 atleta qasmu miċ-ċentru ta’ Pariġi, il-medda ta’ art ġenerali għal-Logħob li fih dawn il-kompetituri se juru l-ħila sportiva tagħhom matul is-16-il jum li ġejjin. Il-parata waslet fit-tmiem tar-rotta tagħha ta’ sitt kilometri quddiem it-Trocadero, fejn saru l-elementi li fadal tal-protokoll Olimpiku u l-ispettakli finali.

Iċ-ċerimonja kienet miftuħa għal kemm seta’ kien hemm nies, kienet l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta. Tmenin screens ġganteski u loud-speakers imqegħda strateġikament, ippermettew lil kulħadd igawdi l-atmosfera maġika ta’ dan l-ispettaklu li dar mal-kapitali Franċiża.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024 kienet l-ikbar fl-istorja tal-Logħob meta kienet miftuħa għal kulħadd: residenti minn Pariġi u r-reġjun tagħha, kif ukoll viżita­turi minn Franza kollha u minn madwar id-dinja.

L-atleti kienu l-qalba u r-ruħ taċ-ċerimonja. Billi fetħet bil-parata tal-atleti, Paris 2024 kienet qed tinqata’ mit-tradizzjoni. L-atleti ntwerew fuq il-palk waqt l-introduzzjoni għal u matul iċ-ċeri­monja bħala parti mill-għan kostanti ta’ Pariġi 2024 li jsiru Logħob maħluqa għal u mill-atleti.

Il-parata tax-xmara segwiet il-korsa tas-Seine, mil-lvant sal-punent fuq sitt kilometri. Il-parata bdiet mill-pont ta’ Austerlitz ħdejn il-Jardin des Plantes, fis-7.30 p.m., ħin lokali u għamlet triqtha madwar iż-żewġ gżejjer fiċ-ċentru tal-belt (l-Ile Saint Louis u l-Ile de la Cité) qabel ma għaddiet taħt diversi pontijiet u gateways.

L-atleti abbord id-dgħajjes tal-parata kellhom ħjiel ta’ wħud mill-postijiet uffiċjali tal-Logħob, inkluż Parc Urbain La Concorde, l-Esplanade des Invalides, il-Grand Palais, u fl-aħħar il-pont ta’ Iena fejn intemmet il-parata qabel it-tmiem taċ-ċerimonja fi Trocadero.

Il-pajjiż organizzattiv kien rappreżentat mill-President Emmanuel Macron, il-First Lady Brigitte Macron, il-Prim Ministru Gabriel Attal, l-eks President Francois Hollande, il-President ta’ COJOP2024 Tony Estanguet, is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, u l-President ta’ CNOSE u UCI, David Lappattient.

Mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kien hemm il-President Thomas Bach, il-President tal-FIFA Gianni Infantino u l-President tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej, Spyros Capralos.

Kien hemm ukoll madwar 120 mexxejja dinjija kif ukoll madwar 160 ministri.

Fost il-kantanti li ħadu sehem, kien hemm Celine Dion, Lada Gaga, Dua Lipa, Indila, Daft Punk, David Guetta, Gwen Stefani, Snoop Dogg, Anggun u l-Franċiżi Aya Nakamura, Rim’K u Barbara Pravi.

KATRYNA ESPOSITO FL-AZZJONI – L-ewwel atleta Maltija fl-azzjoni hija l-judoka, Katryna Esposito, meta llum fl-10.00 am se tieħu sehem fil-kategorija -48kg f’Champ de Mars.

Sport