Matul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nippreżenta rapport li ħejjejt dwar is-sena ħidma tal-Ombudsman Ewropew f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-kappa li taħtha jinsab anki l-Partit Laburista Malti. Kien ta’ unur kbir għalija mhux biss għaliex intagħżilt sabiex inħejji dan ir-rapport li ġi approvat kważi unanimament mill-Parlament iżda wkoll għaliex stajt nitfa dawl fuq diversi aspetti tal-ħidma tal-Ombudsman. Stajt ukoll nesprimi kif l-operat jista jitjieb sabiex l-Ombudsman ikun dejjem eqreb taċ-ċittadin.
Ir-rapport jevalwa sensiela ta’ nuqqasijiet u ostakli amministrattivi li jistgħu ixejnu l-missjoni tal-ħidma tal-uffiċju tal-Ombudsman, ċioe li jippromwovi l-ġustizzja, l-ekwità u t-trasparenza. Dawn il-valuri mħarsa mill-uffiċċju tal-Ombudsman jiżvolġu rwol integrali sabiex l-Unjoni Ewropea tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej. Tajjeb li ngħidu li f’dawn l-aħħar ħdax il-sena r-rwol tal-Ombudsman ġie moqdi b’mod impekkabli minn Emily O’Reilly; għalhekk kien aktar diffiċli sabiex wieħed isib lok ta’ kritika għal ħidma ta’ dan l-uffiċċju ! Nawgura li s-suċċessur elett, Teresa Anjinho, tkompli tibni fuq il-ħidma fejjieda ta’ Emily O’Reilly.
L-iktar rwol indispensabbli tal-Ombudsman Ewropew huwa dak li jiżgura t-trasparenza u l-kontabiltà tal-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma stajtx ma nurix id-dispjaċir tiegħi li talbiet mill-pubbliku għal aċċess ta’ dokumenti mhux qed jiġi pproċessat b’mod spedit. Kien hemm diversi każi fejn dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa fil-ħin, inkluż f’każijiet serji bħal skambju ta’ messaġġi ma persuni prominenti fl-industrija.
Aspetti oħra fl-istess qasam li ġew indirizzati f’dan ir-rapport kienu l-kunflitt ta’ nteress, il-kodiċi t’etika u l-proċess tal-għażla fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja. Dawn lkoll temi li jaħarqu li tkellimt fuqhom f’dawn l-aħħar snin, mhux l-inqas meta l-Kummissjoni għażlet kandidat li ma jitkellimx bil-Malti sabiex jaħdem fl-uffiċċju tagħha hawn Malta. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport żgurajt ukoll li tingħata attenzjoni għal materji ta’ tema soċjali, bħal ma huwa l-każ ta’ nuqqas ta’ mplimentazzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità minn bosta Stati Membri; nuqqas li qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabiltà.
Il-funzjoni tal-Ombudsman hija prova ċara tal-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ikunu viċin taċ-ċittadin. Peress li pajjiżna ċkejken huwa faċli sabiex wieħed jikseb kuntatt dirett mal-persuni nvoluti fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jeffetwaw il-ħajja ta’ kuljum. Mhux l-istess jista’ jingħad għal istituzzjonijiet li jservu numru kbir ta’ persuni minn postijiet distanti bħal ma hija l-Unjoni Ewropea. L-okkażjonijiet fejn iċ-ċittadini jistgħu jiltaqgħu u jifhmu l-ħsibijiet tal-ogħla mexxejja tal-Unjoni Ewropea huma ftit. Barra minn hekk, id-daqs tal-Unjoni tirrikjedi tmexxija kumplessa ffurmata minn diversi saffi ta’ diriġenti. Għalhekk ħafna drabi jkun diffiċli li wieħed jifhem id-dinamika li twassal għal ċertu deċiżjonijiet. Sfortunatament, din il-kumplessita tgħin sabiex esponenti tal-lemin estrem iwasslu l-messaġġ qarrieqi tagħhom li l-istituzzjonijiet jaħdmu kontra l-interess tal-poplu. L-Ombudsman Ewropew huwa wieħed mill-ftit organi fejn iċ-ċittadin jista jilmenta dwar xi deċiżjoni nġusta li tkun laqtitu ħażin. Nemmen bis-sħiħ dwar il-ħtieġa li nsaħħu l-katina ta’ komunikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadin u għalhekk se nkompli naħdem sabiex niżgura li dan l-uffiċċju jaqdi l-funzjonijiet tiegħu kif suppost.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat fil-Parlament Ewropew ġiet imtella’ wirja ta’ presepji Maltin fil-Parlament Ewropew. Wirja li ħdimt ħafna sabiex setgħet titwettaq għaliex kburi bit-tradizzjonijiet u l-identità tagħna. Dawn il-presepji kienu verament uniċi u tnejn minnhom kienu jinkludu xeni minn pajsaġġi f’irħula Maltin. Innutajt ukoll b’sodisfazzjon li f’din l-okkażżjoni ta’ ferħ u promozzjoni tat-tradizzjonijiet tagħna kien hemm għaqda bejn ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi; membri parlamentari Nazzjonalisti attendew il-wirja u wrew aprezzament għax-xogħol li wettaqt. Inħeġġiġkom sabiex f’dawn iż-żmien ta’ festi tgawdu u tiċċelebraw dak kollu li jgħaqqadna u jagħmilna dak li aħna. Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd.