Sunday, November 24, 2024

L-OMM TIBQA’ L-OMM

Aqra wkoll

Min jaf kemm il-darba smajna diskursati bejn il-ġenituri u l-ulied bil-frażi “l-omm tibqa’ l-omm” tiżboq kull parti oħra tal-istess djalogu. Huwa fatt magħruf li l-ommijiet kollha, b’mod speċjali dawk li jgħaddu minn ċertu tbatijiet żejda matul it-tqala tagħhom, ladarba jkollhom il-frott f’idejhom, jaslu jagħmlu minn kollox biex jaraw li dan ma jinsterqilhomx jew b’xi mod jispiċċa jitħassar.

Iżda fl-umanità kulħadd espost għall-iżball u ngħiduha kif inhi min mhux ħati jixħet l-ewwel ġebla. Sfortunatament hawn ġenituri, ommijiet, li minħabba sitwazzjonijiet li huma biss jafuhom jispiċċaw jieħdu deċiżjonijiet li jkollhom iġorru l-piż tagħhom għal għomorhom. F’mumenti ta’ dgħufija fejn l-omm fost raġunijiet tista’ ssib ruħha waħidha tasal biex tagħmel dawn id-deċiżjonijiet.

Fl-aħħar ġimgħat komplejna nisimgħu fuq il-każ tat-tifla Arsema u l-vjaġġ twil tagħha wara li l-omm bijoloġika ħatfitha u ħarġet ’il barra mill-pajjiż biha. Din it-tifla kienet tpoġġiet volontarjament fi placement f’pajjiżna u kienet ommha stess li għaddietha lill-awtoritajiet. Minn hemm, hija tpoġġiet ma’ familja għal sitt snin u nofs. L-omm bijoloġika reġa’ beda jkollha kuntatt mat-tifla tagħha u ngħatat l-aċċess biex tkun magħha fi tmiem il-ġimgħa. Wara xi ġimgħat, l-omm bijoloġika tagħha telqet bil-minuri fi Franza b’passaport ta’ tifla oħra li ngħata lilha fl-ajruport.

Mingħajr ma ntawlu, fl-aħħar sigħat Arsema rritornat lura mal-foster carers tagħha u dan wara ħidma kollaborattiva minn numru ta’ entitajiet. It-tifla spiċċat parti minn ballun politiku fil-parlament, bid-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius jifta’ kontinwament pressjoni fuq il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon biex jaġġorna dwar il-każ. Minkejja dan l-istess Agius, faħħar il-mod ta’ kif dan il-każ ġie trattat mill-awtoritajiet Maltin.

Nemmnu li dan huwa s-sabiħ tal-ħidma politika. Fejn hemm bżonn għandha tinġibed l-ispaga, iżda din m’għandhiex tinġibed b’tali mod li tiżżarrat u li l-ħidma li tkun bdiet issir, tisfaxxa fix-xejn.

Agius kien staqsa x’qiegħed isir biex dan il-każ ma jirrepetix ruħu. Ċertament li bil-proposti tiegħu, il-Partit Laburista qiegħed jikkonferma kemm lest li jgħin lill-koppji biex dawn isiru ġenituri. Iżda mhux biżżejjed. Il-Prim Ministru nnifsu qal li f’din il-ħidma biex titjieb il-kwalità tal-ħajja m’hemmx punt fejn tista’ tgħid li sar biżżejjed. 

Nemmnu li l-kundanna ta’ xi wħud lejn l-omm bijoloġika ta’ Arsema u l-fatt li din għandha tiġi pprojbita milli jkollha kuntatt magħha wara dak kollu li għaddiet minnu u l-periklu li sfat fih it-tifla matul il-vjaġġ, mhumiex ġustifikati.

Għalkemm hija sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat, bl-omm bijoloġika fuq naħa u l-foster carers li kienu hemm għal dak iż-żmien kollu, nemmnu li jeħtieġ li jintlaħaq kompromess.

Nemmnu li lil hinn minn sitwazzjoni ta’ għalfejn sar l-iżball tal-omm bijoloġika, iċ-ċavetta biex jiġu evitati dawn il-każi hija l-edukazzjoni. Edukazzjoni lil hinn mil-lingwi, ix-xjenza u l-matematika. L-edukazzjoni għandu jkun il-proċess li jrawwimna f’adulti responsabbli b’kwalitajiet li jiddefinuna bħala umani tassew.

Sport