L-Onor. Malcolm Paul Agius Galea fetaħ uffiċjalment it-tournament tal-billiard li qed isir fuq perjodu ta’ sitt ġimgħat. Għal dan it-tournament qed jipparteċipaw madwar 53 parteċipant, f’format ta’ knockout tournament, fejn kull logħba hija deċiżiva biex il-plejers javvanzaw għall-fażi li jmiss.
Waqt id-diskors tal-ftuħ, l-Onor. Agius Galea indirizza lill-parteċipanti kollha u enfasizza kemm dawn l-attivitajiet huma importanti mhux biss bħala mezz ta’ divertiment, iżda wkoll għall-iżvilupp mentali u għas-saħħa ġenerali.
Huwa sostna li l-logħob kompetittiv bħall-billiard jgħin biex jinżamm moħħ attiv u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet soċjali bejn il-parteċipanti. L-Onor. Agius Galea tenna li l-ħidma tiegħu favur l-anzjanità tibqa’ prijorità ewlenija għalih.
Huwa ħabbar li matul din is-sena ser ikunu qed jinfetħu ċentri ġodda għall-anzjani, bil-għan li jkomplu joffru spazji fejn l-anzjani jkunu jistgħu jiltaqgħu.

