Saturday, November 23, 2024

L-operazzjoni fuq Emily marret aħjar milli mbassar … Jitneħħa 95% tat-tumur u jsalvawlha l-kilwa

Aqra wkoll

Fl-aħħar ħin Puttinu Cares xerrdu aħbar li ħafna kienu qed jixtiequ li toħroġ. Dan hekk kif skont l-aħħar informazzjoni jidher li l-operazzjoni fuq iċ-ċkejkna Emily tant kienet suċċess li rnexxiet aktar milli bassru.

Il-professjonisti rnexxielhom ineħħu 95% tat-tumur u salvaw il-kilwa fl-istess waqt. Issa baqa’ biss li ċ-ċkejkna tirkupra minn din l-operazzjoni. Il-ġenituri tagħha ħadu l-opportunità biex jirringrazzjaw lil dawk kollha li żammew iċ-ċkejkna fit-talb tagħhom… “Well done my pupina, YOU ARE MY SUPERHERO, WHAT A FIGHTER. Ejja ha ngawdu”, temmet tgħid l-omm.

Qabel:

Iċ-ċkejkna Emily għandha sena u erba’ xhur u ilha tieħu l-kura għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Ilbieraħ daħlet l-Isptar bħala preparazzjoni tal-operazzjoni importanti li se ssir illum biex ineħħulha tumur.

Iz-zija tagħha Claire Gatt qalet lil inewsmalta li Emily għamlet xahar l-Isptar ta’ Malta u fi Frar telgħet tkompli l-kura ġewwa Sutton l-Ingilterra. Hija ddeskrivita bħala tifla ferriħija għax minkejja t-tbatija li għaddejja minnu dejjem bid-daħka fuq xuftejha.

“Minkejja t-tbatija, dejjem bid-daħka fuq xuftejha”

Claire Gatt

Omm Emily, Vanessa Gatt, ħabret fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook li l-operazzjoni ta’ Emily fl-aħħar waslet. “M’għandiex dubju li dejjem fit-talb tagħkom kollha imma din il-ġimgħa aħsbu daqsxejn fiha u fit-tobba ħalli l-Bambin ikun magħhom ukoll,” qalet Vanessa.

Il-kuġina ta’ Emily ukoll kitbet messaġġ fuq Facebook biex il-Bambin jibqa’ magħha. “Kuġina ejja biex nerġa’ narak b’saħħtek u ngħannqek waħda miegħi,” qalet il-kuġina tagħha.

Intant, fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares huma appellaw biex kull wieħed u waħda minna jżomm liċ-ċkejkna Emily fit-talb tiegħu.

Sport