Tuesday, April 30, 2024

“L-Oppożizzjoni dejjem tikkritika u tgħajjar mingħajr ma qatt toffri soluzzjonijiet”

Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis

Aqra wkoll

Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis kien fost il-kelliema min-naħa tal-Gvern fis-seduta stabbilita għall-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar tal-estimi għas-sena 2023. Huwa rrefera għar-rapport pożittiv ferm mill-Fitch Ratings fejn spjega li minkejja dan ir-riżultat ta’ suċċess, ma jfissirx li m’hemmx sfidi li wieħed irid jiffaċċja u jindirizza.

Filwaqt li esprima dispjaċir għall-fatt li l-Oppożizzjoni dejjem tikkritika u tgħajjar mingħajr ma qatt toffri soluzzjonijiet vijabbli għall-pajjiż, Zammit Lewis qal li l-qasam tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni huwa mutur importanti u kostanti għall-ekonomija tal-pajjiż fejn spjega kif tul is-snin Gvern Laburista għamel passi ta’ ġgant u għen biex ħafna Maltin saru sidien ta’ djarhom u kif fl-2013 kellna miżuri li splodew l-ekonomija. “Hawn kien issaħħaħ is-suq tal-kera u anke minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, il-proprjetà baqgħet togħla sal-punt li llum il-ġurnata għandna sitwazzjoni fejn hemm bżonn li nindirizzawha. Imma, ma nistgħux ngħidu li dan kollu mhuwiex frott ta’ ekonomija li sejra tajjeb fejn il-poplu għandu aktar flus fil-but,” spjega Zammit Lewis.

Filwaqt li rribatta għal dak li ntqal mill-Oppożizzjoni dwar il-ħaddiema barranin li wasslu għaż-żieda fid-domanda u għalhekk fil-prezz tal-proprjetà, Zammit Lewis talab lill-PN biex jieqaf iseħilhom ‘barranin’ għax dawk il-ħaddiema li jiġu mill-Ewropa huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għandhom id-drittijiet ukoll. 

Dan il-Membru Parlamentari kompla biex tkellem dwar il-permessi li jinħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn għal darb’oħra indirizza l-kumment mill-kelliema tal-PN li din, hija “kontroversjali”. Zammit Lewis għamilha ċara li kulħadd għandu dritt japplika għall-permess iżda dan ma jfissirx li l-permessi kollha joħorġu u appella biex inħallu lill-professjonisti fil-qasam jagħmlu x-xogħol tagħhom. 

Min-naħa tiegħu huwa jixtieq li jsir aktar xogħol min-naħa tal-estetika fis-settur u talab biex mhux kulma jiġri, fosthom imwiet f’siti tal-kostruzzjoni, jiġi ttimbrat bħala t-tort tal-Ministru jew tal-Gvern. Huwa għalaq l-intervent tiegħu billi sostna li se jkun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riklamazzjoni tal-art u stieden li l-Oppożizzjoni biex verament tikkolabora b’parteċipazzjoni u soluzzjoni vijabbli “ħalli jkollna tkabbir ekonomiku u nimxu ‘l quddiem”. 

Sport