Sunday, November 24, 2024

“L-Oppożizzjoni f’dan l-abbozz għamlet minestra li jafu li lilna ma togħġobniex” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum pajjiżna għandu qafas demokratiku ferm aqwa minn qatt qabel. Qal li l-istituzzjonijiet għandhom l-aktar riżorsi li qatt kellhom. Fakkar li dawk is-setat kien dan l-istess gvern li tagħhomlhom.

Abela qal li “lanqas hemm paragun” bejn is-sistema ta’ governanza tal-lum ma’ dik li kien hemm qabel l-2013. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni lil hinn mis-Saltna tad-Dritt kien moħħhom fis-saltna tal-poter.

Il-Prim Ministru qal li jekk jibda jispjega li dwar x’sar dawn l-aħħar sentejn, minkejja perjodu ta’ pandemija li ħasdet lid-dinja, jispiċċa ma jieqaf qatt. Kien għalhekk li għażel li jfakkar li hu kien l-aktar Prim Ministru li reħa setgħat minn idejh mill-Indipendenza ’l hawn.

Saru bidliet li ma kienx hawn kuraġġ biex jittieħdu qabel

Abela qal li dan il-gvern għamel bidliet li qatt ma kien hemm il-kuraġġ biex jittieħdu qabel. Tkellem dwar ir-rivoluzzjoni biex isiru ċertu ħatriet meta kien hu li kellu s-seta’ bħala Prim Ministru li jiddeċiedi. Huwa faħħar l-imġiba tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien kapaċi jiddiskuti biex isiru ċertu riformi u kompla biex jispjega dwar dak kollu li baqa’ jsir fejn tidħol il-governanza. Il-Prim Ministru qal li minn qabel 2013 kien hawn sistema ta’ governanza staġnata f’pajjiżna. 

“Nemmen li fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra hemm numru ta’ elementi u ma nixtieqx li npoġġi lil kulħadd f’keffa waħda”, kompla l-Prim Ministru. Huwa qal li dawk li jinsabu wara dan l-abbozz u li llum ppridkaw il-qdusija, kull meta tiġihom l-opportunità jagħmlu bil-kontra.

Abela spjega li l-Oppożizzjoni ressqet abbozz li minn ruling tal-Ispeaker ħareġ li ma setgħux jippreżentawh. Huwa fakkar li kieku l-Oppożizzjoni riedet tiddiskuti fil-buon sens, kienet tressaq abbozz abbozz biex jitteħed vot separat għax huma abbozzi distinti minn xulxin.

“L-Oppożizzjoni għamlet minestra li jafu li lilna ma togħġobniex”

“Minflok jien ngħidilkom li għamiltu minestra. Bdew bil-minestra mbagħad tefgħu l-ħut u tefgħu l-laħam u tefgħu d-deżerta, u tefgħu l-frott u ħawdu kollox u qalulna din għandkom. Issa huma jafu li din il-minestra lilna ma togħġobniex. B’xi mod għadkom taħsbu li tistgħu tgħaddu lin-nies biż-żmien”, kompla Abela.

L-Oppożizzjoni tippretendi li tgħaddi abbozz fi tliet sigħat

Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni hija inkonsistenti. Fakkar dwar kif il-gvern ħadem fuq abbozzi ta’ liġijiet li għamel u li għad irid jagħmel. Tkellem dwar il-governanza u dwar kif il-gvern telaq mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, tkellem mal-Kummissjoni u wasal biex ikkodifika dak li ntqal fi proċess li ħa xhur. L-Oppożizzjoni dak iż-żmien qalet li l-gvern kien għaġġel iż-żejjed, iżda issa trid li tgħaddi abbozz ta’ 11-il liġi fuq perjodu daqstant qasir ta’ tliet sigħat. Il-Prim Ministru qal li jifhem li hemm min qiegħed jiġbed l-ispag, iżda staqsa jekk Oppożizzjoni daqshekk arroganti, x’kapaċi tkun jekk kemm-il darba tkun fil-gvern.

Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Abela qal li l-Prim Ministru fehem dwar il-bżonn tar-rikonċiljazzjoni u kien hemm proċess ta’ diskussjonijiet u kien hemm punti ta’ qabil u oħrajn fejn ma kienx hemm. Abela qal li jifhem li dan huwa proċess ħaj u li jeħtieġ li jibqa’ jevolvi u għalhekk nħatar kumitat li għandu sena biex joħroġ b’numru ta’ suġġerimenti kif jista’ jissaħħaħ il-qasam ġurnalistiku.

Il-Prim Ministru qal li ma jistax jifhem kif il-President tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia qalet li hu ma għaddilhiex l-proposti leġiżlattivi meta kien hu stess li għaddihomlha.

“Oppożizzjoni li moħħha biex tkompli tbeżża'”

Abela qal li dan l-abbozz ikompli bl-istrateġija biex ikisser l-ekomomija tal-pajjiż billi jkompli jbeżża’. Huwa sostna li din mhijiex xi ħaġa li se ssir sakemm ma jkunx il-Partit Nazzjonalista li jerġa’ jmexxi l-pajjiż.

Huwa qal li l-ambizzjoni politika tal-Oppożizzjoni hija li jixħtu lil xi ħadd il-ħabs, filwaqt li l-ambizzjoni politika tiegħu hija li jekk jingħata l-fiduċja mill-poplu, f’Ottubru li ġej jippreżenta budget pożittiv ieħor li jkompli jtejjeb il-ħajja tan-nies. Huwa sostna li din in-narrattiva se tkompli titfa’ lill-Partit Nazzjonalista lura.

Sport