B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Sesswali, il-Partit Laburista jinnota li din l-istqarrija ġiet ippubblikata l-għada li għalaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwarha.
Il-Partit Laburista jinnota wkoll li ma kien hemm l-ebda sforz mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista sabiex isir kontribut f’din il-fażi ta’ konsultazzjoni li damet għaddejja għal bosta ġimgħat. Dan jixhed li l-Partit Nazzjonalista reġa’ qagħad ‘il bogħod minn proċess importanti u sensittiv li għandu jgħaqqad lis-soċjetà tagħna u mhux jifridha għal skopijiet partiġjani.
Dan in-nuqqas t’involviment joħloq aktar tħassib meta wieħed jintebaħ li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista qegħdin diġà fid-dokument tal-Gvern u xi wħud minnhom qed jitwettqu diġà. Bħala eżempju tipiku, ta’ min wieħed isemmi l-programmi ta’ tilqim kontra l-virus HPV li huwa relatat ma’ kanċer fl-għonq tal-utru u kanċer tat-tip ‘head and neck’. Mhux talli dan il-programm ilu fis-seħħ mill-2013, imma laħaq suċċess kbir ta’ 90% tat-tfajliet ta’ 12-il sena, u riċentament ġie introdott għas-subien ukoll.
L-istrateġija li nieda l-Gvern Laburista hija msejsa fuq ħames pilastri ewlenin li ġew trattati, riċerkati u dettaljati f’dokument ta’ 59 paġna, minn esperti fil-qasam. B’differenza għall-Oppożizzjoni, l-istrateġija tal-Gvern tidħol fid-dettal dwar:
– kif ha nsaħħu l-promozzjoni tas-saħħa, l-edukazzjoni u prevenzjoni;
– kif ħa nżidu servizzi mediċi li jinkludu screening, trattament ta’ mard relatat u riorganizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;
– kif għandna nindirizzaw bżonnijiet tas-saħħa riproduttiva li jinkludu family planning u kontraċettivi;
– kif għandna nindirizzaw persuni fi gruppi speċjali;
– kif ha nitrattaw materji ta’ governanza, innovazzjoni u aktar riċerka.
Il-Gvern irċieva 23 rakkomandzzajoni fiż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika, li issa jmiss li jkunu evalwati u integrati bl-aħjar mod fl-istrateġija definittiva.