Tuesday, May 14, 2024

L-Oppożizzjoni tisħaq li s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna sejra għall-agħar kuljum

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbraijiet dwar is-sitwazzjoni fit-toroq ta’ pajjiżna il-Kelliem għat-Traffiku tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minn diskussjoni fuq traffiku qegħdin nitkellmu fuq traġedji. Huwa qal li s-sitwazzjoni qed tiggrava bil-ġurnata u li għalkemm għadha ma għalqitx is-sena l-istatistika turi li hemm kważi 24 persuna li tilfu ħajjithom, ’il fuq minn 1,000 persuna midrubin u aktar minn 2,000 inċident aktar mis-sena li għaddiet.

Delia qal li l-immaniġjar tat-traffiku f’pajjiżna huwa ineżistenti u li l-Ministru qiegħed jitmejjel bin-nies meta jgħid li t-traffiku huwa kkawżat mill-festi, min-nuqqas ta’ preżenza ta’ uffiċjali fit-toroq u mill-inċidenti fost raġunijiet oħra. “L-uniku ċertezza li għandna, għax dik hija t-tema tal-budget, hija li l-problema mhux biss mhux se tissolva imma lanqas mhi se tittaffa”, kompla Delia filwaqt li sostna li l-entità li sippost qiegħda tagħti komfort, hija mifnija bi skandli.

Huwa kompla biex jirreferi għall-Metro u li wara li ntefqu l-eluf għal dan il-proġett, il-budget ma ppreżenta xejn dwaru. Huwa qal li l-Metro taħt l-art għaddiet għal Metro taħt il-mejda għax il-gvern warrab dan il-proġett.

Min-naħa l-oħra l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Ryan Callus qal li minn fost dawk li mietu din is-sena f’inċidenti tat-traffiku, żewġ terzi minnhom huma vittmi li sfaw imtajra. Callus qal li n-nies huma kemm Maltin kif ukoll barranin u t-traffiku qiegħed iżid il-frustrazzjoni. Din il-frustrazzjoni qiegħda twassal għal inqas attenzjoni waqt is-sewqan. Callus saħaq li ż-żieda fit-traffiku qiegħda tnawwar serjament is-saħħa mentali tal-poplu.

Callus tkellem dwar l-infrastruttura u qal li dan il-gvern qiegħed jirrisolvi fuq li jkabbar it-toroq aktar milli jiffoka fuq trasport tal-massa. Huwa sostna li jekk il-pajjiż mhux se jmur lejn transport tal-massa, b’56 karozza ġdida kuljum fit-toroq tagħna, se jmutu aktar nies u se jiżdied il-mard respiratorju. Huwa qal li l-mewt relatat ma’ mard respiratorju f’pajjiżna fuq medda ta’ sena huwa biss ftit inqas minn kemm mietu nies bil-Covid-19 fuq perjodu ta’ ftit aktar minn sena. 

Huwa tenna jgħid li din iż-żieda allarmanti fit-traffiku hija frott l-inkompetenza tal-gvern li qata’ qalbu minn dan is-settur. Sostna li l-Oppożizzjoni lesta li toffri politika differenti li ma tħarisx biss lejn dakinhar tal-elezzjoni, iżda anke lil hinn.

Sport