L-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, li bħalissa huma kruċjali għall-qalba diġitali, huma prijorità għall-Gvern preżenti. Tant hu hekk, li l-investiment li qed isir f’dawn l-oqsma qed ikompli jiżdied u issa hemm Segretarjat Parlamentari speċifiku għal dan il-għan. Minn hawn toħroġ l-importanza li l-Gvern qed jagħti f’dan il-qasam.
Pass importanti f’dan kollu kienet it-tnedija tat-tieni strateġija ‘Smart Specialisation’ li saret ftit tal-jiem ilu u li tkompli tibni fuq ta’ qabilha. Din l-istrateġija se tkun implimentata f’sitt oqsma permezz ta’ sinerġija bejn il-gvern, l-akkademja, il-kummerċ u s-soċjetà ċivili.
L-oqsma tematiċi jinkludu s-saħħa, l-użu sostenibbli tar-riżorsi għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, il-manifattura intelliġenti, it-teknoloġija marittima, l-avjazzjoni u l-ajruspazju u t-teknoloġiji diġitali futuri.
Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma se jkun hemm kumitat tematiku li se jkunu kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. II-Kumitati jirrappurtaw direttament lill-Ministeru filwaqt li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija joffri l-appoġġ tekniku lil kull Kumitat Tematiku.
Nemmnu li b’din l-istrateġija, il-viżjoni ta’ Malta ta’ għada hi ċara. Dik li jkolla nazzjon aktar sigur, b’saħħtu u li jirnexxi, mibni fuq prinċipji ta’ governanza tajba u żvilupp sostenibbli li lest jagħti sehmu lejn ekonomija ekoloġika u diġitali kif ukoll isaħħaħ il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kemm ta’ issa kif ukoll tal-futur.
Nemmnu wkoll li l-universitajiet għadhom rwol importanti fil-komunitajiet billi joħolqu prosperità permezz tar-riċerka u l-iżvilupp. L-universitajiet jittrasformaw il-ħajja tan-nies permezz tal-edukazzjoni u permezz tal-impatt usa tar-riċerka.
Ir-riċerki li jsiru mill-Università jibbenefika minnhom kulħadd f’kull settur, inkluż l-edukazzjoni, negozji u impjiegi, u saħħa fost oħrajn. Imma biex iseħħ dan kollu jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed fondi li jsostnu dawn ir-riċerki, mhux biss lokalment imma wkoll b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Il-Fond għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp (RIDT) irnexxielu jattira fondi minn negozji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, tant li kiseb aktar minn tliet miljun ewro minn mindu twaqqaf. L-akbar sehem ta’ fondi, sal-lum il-ġurnata, ġie investit fir-riċerka medika.
Għaldaqstant, nemmnu li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni jibqa’ kruċjali mhux biss għall-ekonomija lokali imma wkoll għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Wara kollox, din hija wkoll il-viżjoni tal-Gvern Laburista f’dan is-settur tant importanti, liema viżjoni qiegħda tkun implimentata għall-Malta tal-lum u ta’ għada.