Monday, December 23, 2024

L-Oratorju ‘Sebastianus Christianus’ se jfakkar il-160 anniversarju tal-ewwel banda Qormija

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa s-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan se ttella’ l-Oratorju ‘Sebastianus Christianus’, fl-isfond maestuż tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina, li se jagħlqu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-160 anniversarju tal-ewwel banda Qormija.

Proprju għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, ftit ġimgħat ilu l-istess soċjetà kellha l-opportunità tferraħ il-Papa Franġisku u dawk preżenti fil-Vatikan kif ukoll f’Ruma. Issa l-Banda San Sebastjan se tkun qed terġa’ tiġbed l-attenzjoni tal-poplu Malti b’dan l-Oratorju b’mużika oriġinali ta’ Mro Ray Sciberras u lirika ta’ Sebastian Saliba. Id-direzzjoni tal-banda se tkun taħt is-Surmast Dominic Darmanin, bis-sehem tal-aqwa talenti lokali fosthom it-Tenur Charles Vincenti, is-Sopran Rosabelle Bianchi, Pamela Bezzina u l-Kor Mirabitur ta’ Simone Attard.

Din hi okkażjoni unika biex wieħed jesperjenza l-Oratorju, wara li dan ittella’ fl-2012 fi swali ppakkjati ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

In-noti mużikali tal-Oratorju ‘Sebastianus Christianus’

F’dan l-Oratorju, l-awtur jinseġ djalogu bejn San Sebastjan u l-Belt Pinto li jippersonifika fit-Tfajla tal-Widien. Matul dan id-djalogu, iż-żewġ karattri jiftakru fil-waqtiet glorjużi tagħhom kif ukoll fil-waqtiet ta’ niket u kif il-ġrajja tagħhom wasslithom qrib xulxin. Il-kompożitur, min-naħa tiegħu, iżewweġ din il-lirika mad-dijalettika li jinseġ bejn motivi klassiċi u kontemporanji, bejn il-vuċi operistika klassika u dik kontemporanja, bejn l-istrumenti tar-ramm u dawk tal-korda, bejn waqtiet sublimi u oħrajn ta’ niket, iżda li kollha jwasslu għall-istess rokna fil-qalb tal-bniedem: dik li timtela bit-tama jew bil-biża’, bl-hena jew bil-weġgħat, skont dak li toffri l-ħajja.

Ir-rilevanza ta’ dan l-Oratorju tkompli tikber fil-kuntest li d-dinja ħierġa mill-akbar pandemija f’100 sena, u li matul din il-pandemija għal darb’oħra l-poplu Qormi u Malti rrikorra għal San Sebastjan — qaddis protettur kontra l-mard infettiv.

L-Oratorju ħa jsir nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar 2023, fis-7:30 p.m. L-aħħar ftit biljetti jinkisbu mill-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Pinto fi Triq San Sebastjan.

Ekonomija

Sport