Sunday, November 24, 2024

L-Organizzaturi tal-Olimpjadi 2024 jagħmlu apolopija lill-Korea t’Isfel

Aqra wkoll

L-organizzaturi tal-Olimpjadi 2024, ippubblikaw “apoloġija profonda” wara li l-atleti tal-Korea t’Isfel ġew introdotti bi żball bħala l-Korea ta’ Fuq, fiċ-ċerimonja tal-ftuħ f’Pariġi.

Hekk kif it-team Korean niżel fix-Xmara Seine, fuq it-tannoy ġie ntrodott bħala r-“Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea”, li huwa l-isem uffiċjali tal-Korea ta’ Fuq, kemm bil-lingwa Franċiż kif ukoll b’dik Ingliża.  

L-istess isem imbagħad intuża – b’mod korrett – meta d-delegazzjoni tal-Korea ta’ Fuq għaddiet.

Iż-żewġ pajjiżi tal-Korea ilhom maqsu­min sa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, bit-tensjoni bejn l-istati kompliet teskala dan l-aħħar.

Minkejja dan l-iżball fuq it-tannoy, is-sottotitolu korrett dam jintwera fin-naħa t’isfel tax-xandir televiżiv.

Il-Ministeru tal-Isport tal-Korea t’Isfel qal li kien qed jippjana li jressaq “ilment qawwi ma’ Franza fuq livell ta’ gvern” dwar dan l-iżball imbarazzanti.

Fi stqarrija, il-ministeru esprima “d-dispjaċir tiegħu dwar it-tħabbira… fejn id-d­e­legazzjoni tal-Korea t’Isfel ġiet introdotta bħala t-team tal-Korea ta’ Fuq.”

L-istqarrija żiedet tgħid li t-tieni viċi ministru tal-isport, Jang Mi-ran, champion Olimpiku tal-weightlifting tal-2008, kien talab laqgħa mal-President tal-Kumitat    Olimpiku, Thomas Bach.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) ħareġ apoloġija fuq il-kont X uffiċjali tiegħu bil-lingwa Koreana, fejn qal: 

“Nixtiequ noffru apoloġija profonda dwar l-iżball li seħħ fl-introduzzjoni tad- delegazzjoni tal-Korea t’Isfel waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ.”

Il-Korea t’Isfel, magħrufa formalment bħala r-Repubblika tal-Korea, għandha 143 atleta fit-team Olimpiku tagħha din is-sena, li jikkompetu f’21 sport.

Il-Korea ta’ Fuq bagħtet 16-il atleta. Din hija l-ewwel darba li kkompetiet fil-Logħob minn Rio 2016.

Sport