Dilettanti tan-nar fi ħdan is-Soċjeta Mużikali Leone tal-belt Victoria, fl-1990 kienu ngħaqdu flimkien bħala Sotto-Kumitat biex titwaqqaf l-Organizzazzjoni Vampa, organizzazzjoni li tieħu ħsieb in-nar kollu għall-festa tradizzjonali ta’ Santa Marija li tiġi ċċelebrata fir-Rabat, Għawdex.
F’qasir żmien il-membri ta’ dan is-Sotto-Kumitat komplew jiżdiedu u fl-1994 ingħaqad magħhom Adrian Agius magħruf bħala Dirjanu, fejn minn butu kien xtara l-kmamar tan-nar tal-fabbrika St. Andrew fil-limiti ta’ Santa Lucija, Kerċem. Dawn bdew jissejħu, kmamar tan-nar, fabbrika 15 t’Awwissu.
Kien twettaq ħafna xogħol volontarju f’din il-fabbrika li kienet waħda mill-aqwa għan-nar tal-arju fil-gżira Għawdxija. Iżda, fit-28 ta’ Jannar, 2000, eżatt bħal-lum 25 sena ilu, f’din il-fabbrika fejn kien qed jinħadem in-nar kollu għall-festa ta’ Santa Marija, kien ġara inċident sfortunat ħafna, il-ġurnata kienet il-Ġimgħa għall-ħabta tal-4.00 p.m. fejn splużjoni qawwija u tnejn oħra wara fi ftit sekondi heżżew il-madwar u ġġarrfu diversi kmamar tan-nar ta’ din il-fabbrika.
Dawn swew ukoll il-ħajja ta’ Dirjanu Agius, missier ta’ tlitt itfal. Il-fdalijiet tiegħu instabu l-għada, minħabba li t-tfittxija kienet ġiet abbandunata, hu mifhum, li kien hemm kmamar mhux imġarrfa b’xi nar fihom u kienu perikolużi, l-għada s-Sibt filgħodu kmieni kompliet it-tfittxija u kienu nstabu l-fdalijiet tiegħu.
Il-mewt traġika ta’ Dirjanu Agius, fundatur tal-Organizzazzjoni Vampa, kien ukoll bniedem li ħadem bis-sħiħ u mingħajr interessi b’risq il-Parroċċa tal-Katidral u tas-Soċjetà Filarminika Leone. L-Organizzazzjoni Vampa ma baqgħetx aktar taħdem nar, iżda tixtri n-nar kollu għal-festa tal-Assunta mingħand diversi kmamar tan-nar, kemm minn Għawdex kif ukoll minn Malta. Din l-organizzazzjoni lanqas ma tinsa l-ħtiġijiet spiritwali tal-membri u l-attivisti tagħha, għalhekk fil-ġurnata tal-festa torganizzalhom quddiesa fuq l-Għolja ta’ Gelmus minn fejn jinħaraq in-nar kollu tal-festa.
Kwadru titulari tal-Assunta
L-organizzazzjoni Vampa din is-sena ser tiċċelebra ukoll il-50 sena mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Assunta meqjum fil-Knisja Katidrali, xogħol tal-artist miż-Żejtun Michele Busuttil fl-1791, u sar fi żmien l-Arċipriet Kan. Francesco Saverio Cassar. Dan il-kwadru fl-1975 kien tneħħa minn postu, tnissel Pjazza Savina, fejn il-Kardinal Legat Francesco Seper poġġa kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż fuq ras il-Madonna.
Domma tal-Madonna
Ser isiru wkoll ċelebrazzjonijiet tal-75 sena mid-Domma tal-Madonna. Hu mifhum li sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġà bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Kien fl-ewwel ta’ Novembru 1950, meta l-Papa Piju XII iddikjara li hi verità rrivelata lilna minn Alla li meta l-Verġni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bil-qawwa ta’ Alla mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem.
Għall-okkażjoni tal-lum l-Organizzazzjoni Vampa ħejjiet programm bħala tifkira għal dawn iż-żewġ anniversarji, il-35 sena mit-twaqqif tal-Organizzazzjoni Vampa u 25 sena mill-mewt traġika ta’ Dirjanu Agius. Illum f’nofsinhar membri u partitarji se jqiegħdu bukketti tal-fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija, filwaqt fis-6.00 p.m. isir ħruq ta’ salut minn fuq l-għolja ta’ Germus, wara quddiesa għal ruħu fil-katidral tal-Assunta, kif ukoll ftuħ u tberik tas-sala b’dedika lil Adrian Agius fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Leone AD 1863.