Il-ġurnal L-Orizzont ma nstabx ħati f’kawża għad-danni li kien fetaħ persuna li ħuh inqatel 25 sena ilu u li l-każ tiegħu baqa’ ġiex solvut.
Joseph Formosa ta’ 52 sena kien inqatel b’minn tal-inqas 13-il daqqa ta’ sikkina fl-1999 f’appartament fil-Qawra.
Ivan Formosa kien fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra tliet ġurnali għaliex ħassu inġurjat b’kitba li fil-fehma tiegħu attribwew fatti bi skop li joffendu l-unur u l-fama tal-mejjet.
Il-kawża nfetħet fil-konfront ta’ John Pisani u Frans Ghirxi għal L-Orizzont, Sharon Spiteri u Victor Aquilina għat-Times u Joe Micallef u Michael Caruana għall-ġurnal in-Nazzjon.
Dan minħabba rapporti fejn issemmew li l-qattiel seta’ kien ħabib tal-vittma, li indikaw li seta’ kien omosesswali waqt li ntqal li r-reat seta’ kien konness ma’ prostituzzjoni.
L-Imħallef Francesco Depasquale li sema’ l-kawżi, ikkonkluda li dawn ir-rapporti ma kellhom xejn li jista’ jiġi kkunsidrat bħala imprudenti u malafamanti.
Intqal li l-artikli inkwistjoni bl-ebda mod ma kienu jinsultaw jew jiddiżoneraw l-memorja ta’ Joseph Formosa, u li dak li rrapportaw il-ġurnali sar fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Depasquale ċaħad it-talbiet ta’ Ivan Formosa, bi spejjeż kontra tiegħu. Sadanittant, Formosa fetaħ ukoll kawża kostituzzjonali separata b’rabta mad-delitt ta’ ħuh.