Saturday, December 21, 2024

L-OSCE issa bi triq ‘il quddiem… Tama li fiż-żmien li ġej jintemm il-kunflitt Ukren

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-obbjettivi tal-Presidenza Maltija ntlaħqu … Malta turi li hija aġent kredibbli u ġenwin għall-paċi

“Itilqu ‘l barra kif jitkellem Lavrov”. “Injorawhom”. “Keċċuha lir-Russja mill-OSCE”. “Lavrov kriminal tal-gwerra”. “Nafu x’qegħdin tagħmlu. Nafu li tridu tifirxu l-imperaliżmu Russu”. “Itilqu mill-Ukrajna”. Persuna ddur bil-ktieb ‘Il-ġuri ta’ Vladimir Putin”. “Teħdulux b’idejh”.

Din kienet il-klima fis-sala li ddominat il-plenarja tal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewwropa (OSCE). Din l-atmosfera ostili għall-aħħar lejn id-delegazzjoni Russa mmexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, stajna narawha u nħossuha fil-kurituri li jdawwru l-istess sala. Atmosfera ostili u passiva għall-aħħar tista’ tgħid mill-parti l-kbira tad-delegazzjonijiet, għalkemm kien hemm delegazzjonijiet li ma qablux ma’ dan u tkellmu mar-Russja fosthom l-Ungerija u s-Slovakkja. 

L-atmosfera kompliet anke fil-konferenza stampa, b’inċertezza kbira dwar min se jidħol. Dan flimkien ma’ dikjarazzjoni qawwija fil-plenarja fosthom li r-Russja kisret il-prinċipji tal-OSCE flimkien ma’ sejħiet ma jaqtgħu xejn biex ir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-Ukrajna.

Ma naqsux ukoll il-kundanni minn għadd ta’ pajjiżi inkluż Malta. Il-messaġġ ta’ għadd ta’ delegazzjonijiet kien ċar u kien dak li l-OSCE qiegħda tiġi letteralment imminata mir-Russja b’dak li qiegħda tagħmel fl-Ukrajna. Spikka l-fatt li kunflitti oħra, bħal dak tal-Lvant Nofsani ftit li xejn issemmew, għalkemm l-Iżraeljani qajmu l-punt tat-terroriżmu tal-istati li ddeskrivewh bħala “terroriżmu ġdid aktar perikoluż”.

L-akbar konferenza internazzjonali li qatt saret f’pajjiżna

Il-konferenza tal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) hija meqjusa bħala l-akbar konferenza internazzjonali li qatt saret f’pajjiżna. Għaliha attendew delegazzjonijiet ta’ Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ 57 stati membri ta’ din l-Organizazzjoni li hija l-akbar waħda reġjonali tas-sigurtà fid-dinja. L-għajta f’dan is-summit imtella’ l-Ħamis u l-Ġimgħa li għaddew kienet waħda ċara – dik għall-paċi għax il-paċi twassal għas-sigurtà. Malta, bħala l-gżira li fiċ-ċokon tagħha kellha rwol kruċjali għat-tmiem il-Gwerra Bierda, fil-Presidenza tagħha tal-OSCE rat li tkun għal darb’oħra kruċjali għal bidu ta’ djalogu biex tintemm l-invażjoni Russja fl-Ukrajna. 

F’din il-konferenza, wara li sena ilu kien hemm problemi kbar biex jintlaħaq kunsens u kien hemm biża’ kbira li l-Organizazzjoni tisfaxxa, din id-darba l-partijiet kollha waslu għal kunsens fuq il-karigi.  Jibqa’ l-problema tal-baġit ta’ din l-istess Organizazzjoni, fejn kollox jindika li l-bieb se jitħalla miftuħ sa l-aħħar tas-sena bit-tama li jintlaħaq qbil.

Il-qbil fuq il-karigi ta’ tmexxija wassal biex sfaxxa fix-xejn diskors li kien ingħad li l-OSCE tista’ tisfaxxa taħt il-Presidenza Maltija u issa, bil-ftehim, hemm triq ‘il quddiem bit-tama li fiż-żmien li ġej b’aktar sforzi diplomatiċi naraw it-tmiem tal-kunflitt fl-Ukrajna.

Is-sehem ta’ Malta wera li hija aġent kredibbli u ġenwin bil-pożizzjoni newtrali ta’ Malta għenet għal dan

Fil-fatt Malta għal darb’oħra wriet li hija aġent kredibbli u ġenwin għall-paċi minn kliem id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u Chairperson tal-OSCE, Ian Borg, fejn mill-ewwel mar fuq il-punt li r-Russja għandha tirtira mit-territorju Ukren u ttemm din il-gwerra fil-kontinent u bejn żewġ membri tal-istess OSCE. Saħaq li t-tensjoni preżenti “għandha tieqaf immedjatament biex twitti t-triq għal proċess diplomatiku. Dan għandu jkun dak li jwassal għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema”.

Id-diskors tal-President tal-OSCE ntlaqa’ tajjeb ħafna tant li segwewh fl-appelli ta’ waqfien mill-invażjoni Russa għall-paċi, il-maġġoranza ta’ ministri u uffiċjali oħra li tkellmu f’dan is-summit. Barra minnhekk f’dan is-summit intlaħaq ftehim importanti ħafna u b’mod unanimu li kien ilu s-snin jiġi diskuss bejn is-57 pajjiżi tal-OSCE. Issa din l-Organizzazzjoni għandha ċertezza fuq dawk li se jmexxuha fis-snin li ġejjin.

Hawn Malta reġgħet kienet protagonista għad-djalogu u l-paċi u mhux biss ikkonfermat li jixirqilha r-rwol tal-Presidenza tal-OSCE iżda, irriżultat ukoll bħala mera ta’ pajjiż eżemplari li minkejja d-daqs, kapaċi twassal u tiddelega messaġġ li jista’ jagħmel differenza kbira fuq skala mondjali.

Tensjoni ta’ gwerra li nħasset fil-konferenza…

Din il-konferenza ttellgħet proprju fi żmien delikat ħafna u mimli tensjoni fejn għall-ewwel darba sa miż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, l-Ewropa qiegħda terġa’ tesperjenza l-ispettur tal-gwerra proprju mal-fruntiera tagħha. Dan għax qribha għaddejjin diversi kunflitti fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u dik fil-Lvant Nofsani.  

Apparti dan, hemm l-isfida li wieħed mill-membri l-aktar importanti ta’ din l-Organizazzjoni, ir-Russja jinsab f’kunflitt ma’ membru ieħor li hija l-Ukrajna. Dan ħoloq il-problema kbira ta’ kif se taħdem l-OSCE u minħabba li din l-Organizazzjoni timxi bil-mudell uniku ta’ kunsens fejn kull deċiżjoni jeħtieġ li tittieħed bi qbil unanimu ta’ kull membru, jiġifieri s-57 pajjiżi. 

Fil-fatt f’dan is-summit it-tensjoni nħasset sew fejn saħansitra l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren, Andrii Sybiha u uffiċjali oħra ħarġu waqt id-diskors tal-Ministru Russu, Sergey Lavrov.

Dan tal-aħħar, wara li rribatta b’kundanni u twissijiet, ħalla l-konferenza mingħajr ma qagħad jisma’ x’kellhom xi jgħidu l-kelliema ta’ warajh aħseb u ara kemm kien lest li jiddjaloga fuq is-suġġett. Dan it-tip ta’ atteġġjament ma jawgura xejn tajjeb għal djalogu li suppost iwassal għal paċi. 

Dawn ma kienux l-uniċi mossi ta’ tħassib. Kien hemm min lanqas ried jieħu b’idejn Lavrov u fid-diskors tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren, Andrii Sybiha nikkwotawh jgħid li “l-Ukrajna se tkompli tiġġieled għad-dritt li teżisti”. Hawn l-Ukrajna setgħet qalet li “… se tkompli taħdem biex ikun hemm djalogu għad-dritt li teżisti”. Dan għax fl-aħħar mill-aħħar il-paċi, kif Malta qiegħda tisħaq, tista’ tintlaħaq bi djalogu u mhux bil-ġlied, bil-piki, bil-konfronti u l-attakki b’irjus iebsa fejn ħadd ma jrid isib kompromess. 

Bi Trump fit-tmun tal-Istati Uniti… It-talbiet fl-OSCE mistennija jgħinu 

L-appelli kollha li saru f’dan is-summit biex ir-Russja tirtira mill-Ukranja u tintemm il-gwerra, qed jitqiesu li jistgħu jgħinu sew. Dan għar-raġuni li f’Jannar li ġej Donald Trump, alleat u ħabib ikkonfermat tal-President Russu Vladimir Putin, se jirritorna fit-tmun tal-White House. Bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti mis-sena d-dieħla, il-waqfien tal-Gwerra fl-Ukranja hija fuqnett tal-aġenda ta’ Trump, għalkemm mhux kif eżattament qiegħed jintalab mill-mexxejja tal-istati membri tal-OSCE, inkluża Malta. Li hemm komuni huwa li jridu waqfien mill-ġlied.

Fil-fatt it-tħassib huwa li l-konsulenti ta’ Trump qegħdin jipproponu biex tintemm il-gwerra bi ftehim li bih, essenzjalment, l-Ukrajna jkollha ċedi partijiet kbar tat-territorju tagħha lir-Russja. Dan il-ftehim ma jidhirx li se jkun aċċettat mill-Ukrajna u kif qegħdin naraw minn dan is-summit, lanqas mill-Punent hekk kif dawn l-istati membri tal-OSCE reġgħu b’qawwa tennew l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna. 

Tant huwa hekk li r-Russja ġiet “attakkata” u assedjata minn kritika wara l-oħra proprju fil-maġġoranza tad-diskorsi tal-mexxejja ta’ dawn l-istati tal-OSCE. Lavrov kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin li l-aktar li ġibed attenzjoni f’din il-konferenza fejn wassal id-diskors qawwi tiegħu b’ton sod quddiem dawk preżenti mingħajr ma qagħad idur ma’ kantunieri.

Huwa akkuża lin-NATO l-prinċipji tal-OSCE fejn aċċenna b’qawwa l-Oppożizzjoni Russa għall-influwenza mill-alleanza fuq l-Unjoni Ewropea. F’dan is-summit dehret ċara l-qasma bejn id-delegazzjonijiet dwar l-attendenza tiegħu. Fost dawk li argumentaw li kellu jattendi kien hemm l-Ungerija u s-Slovakja. Ir-Russja qiegħda wkoll tirribatti bi kritika bil-Ministru Lavrov, jisħaq li l-OSCE “essenzjalment qiegħda tinbidel f’appendiċi tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea”. 

L-OSCE tibqa’ reżiljenti’ u bi triq ‘il quddiem

Quddiem din il-klima kien hemm tħassib kemm l-organizazzjoni tal-OSCE tista’ taħdem fix-xhur li ġejjin b’mod partikolari minħabba li kull deċiżjoni trid tittieħed b’konsensus u la r-Russja hija parti minn din l-Organizazzjoni ftit hemm ċans għal konsensus fiċ-ċirkostanzi.

Minkejja dan, ħidma diplomatika li kienet għaddejja minn wara l-kwinti minn diversi pajjiżi fost dawn id-delegazzjoni Maltija u dik Finlandiża – li se tieħu l-Presidenza, wasslet biex l-OSCE għandha it-triq ‘il quddiem. Triq li mhiex faċli, imma hemm l-impenn li titkompla l-ħidma, tkun aktar iffokata biex finalment, tirrenja l-paċi fl-Ukrajna. 

Diversi delegazzjonijiet għalkemm esprimew it-tħassib tagħhom għal mod kif qiegħed jeskala l-kunflitt fl-Ukrajna, mill-banda l-oħra għalkemm kawti, qegħdin jistennew eżitu li jista’ jwassal għall-paċi kmieni s-sena d-dieħla.

Quddiem dan kollu, is-sitwazzjoni ġeo-politika għadha volatili ħafna u wieħed verament irid jistenna kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump se jaġixxi bil-poter issa mogħti lilu bħala l-mexxej tal-akbar super potenza fid-dinja. Sadanittant, il-mistoqsija tibqa’ jekk l-eskalazzjoni u l-firxa tal-Gwerra fl-Ukrajna hiex se tkun evitata sakemm Donald Trump fl-20 ta’ Jannar jieħu l-ġurament ta’ President. 

L-OSCE “salvata” bi presidenza Maltija

Ir-rwol tal-Presidenza tal-OSCE ta’ Malta beda f’Jannar li għadda u f’Jannar li ġej din se tgħaddi lill-Finlandja. Fil-konferenza f’Ta’ Qali, li fiha spikkaw għadd ta’ organizazzjonijiet non governattivi, meta wieħed jitkellem ma’ dawn l-organizazzjonijiet jgħidulek kif qabel Malta ħadet il-Presidenza ta’ din l-Organizzazzjoni, il-futur tagħha kien wieħed inċert u tista’ tgħid, mhedded. 

Malta litteralment salvat lil din l-Organizzazzjoni għax li kieku ma kienx hemm qbil dwar min jista’ jmexxiha ‘l quddiem u jġib il-kunsens li hemm bżonn,  l-istatut ta’ din l-Organizazzjoni jitkellem ċar u l-organizzazzjoni kien ikollha tieqaf. Hawn pajjiżna ħa r-rwol ta’ Presidenza minkejja l-isfidi u fi żmien hekk deskritt mid-Deputat Prim Ministru meta l-OSCE “kienet istituzzjojnalment fix-xifer”.

Dan is-summit, flimkien mal-ħidma ta’ Malta fl-Organizazzjoni tal-OSCE fl-aħħar sena, għenu bil-kbir biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu barra fl-isfera internazzjonali. Dan għax matul din is-sena Malta, kif indikat sa mill-bidu, tat prijorità kbira biex intħoloq il-paċi. Din il-ħidma Malta m’għamlithiex fl-OSCE biss iżda, anke enfasizzatha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Isem Malta biss seta’ jikseb il-kunsens tal-istati membri kollha… Sena wara l-pajjiżi jikkonfermaw li kienet għażla għaqlija

Din il-konferenza importanti li wieħed ma jistax jaraha waħidha imma jrid jaraha f’kuntest wiesgħa. Hija konferenza li qiegħda ssir waqt li Malta għandha l-Presidenza tal-OSCE. Malta kienet intgħażlet biex tmexxi l-OSCE matul din is-sena bla mistenni wara li ġiet nominata minflok pajjiż ieħor f’Novembru li għadda. Dan sar għax isem Malta biss seta’ jikseb il-kunsens tal-istati membri kollha. 

Il-kwistjoni tal-kunsens spikkat ukoll f’din il-konferenza u b’hekk wieħed seta’ jara kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li Malta tintgħażel biex tmexxi din l-akbar organizazzjoni għas-sigurtà fl-Ewropa. 

Fil-fatt, fil-ħidma Maltija fl-OSCE, l-akbar sfida kienet il-kunsens, xi ħaġa li d-diplomatiċi Maltin fi Vjenna ħadmu qatigħ biex dwarha jkun hemm riżultat. Minkejja sitwazzjonijiet diffiċli fl-OSCE rnexxielhom jadottaw deċiżjonijiet li pajjiżi oħra li servew fil-Presidenza qabel ma rnexxielhomx jadottaw. Dan seħħ għax Malta fasslet strateġija partikolari – dik li tiddjaloga, tressaq il-partijiet lejn xulxin u tuża d-diplomazija. 

Fir-rigward, kumment li għaddielna diplomatiku kien li, “l-onestà u l-ġenwinità ta’ Malta biex tintlaħaq il-paċi u biex pajjiżi b’differenzi jersqu lejn xulxin, għenet biex jintlaħqu ċerti kompromessi u nstab kunsens fuq materji importanti li ddiskutiet l-Organizzazzjoni”.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport