Saturday, December 21, 2024

L-ottimiżmu lejn in-normalità

Aqra wkoll

Il-pandemija tal-Covid-19 issa ilha magħna kważi sentejn. Sentejn li matulhom rajna jidħlu fis-seħħ għadd ta’ restrizzjonijiet inkluż dawk fuq l-ivvjaġġar. Minkejja dan, fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni bħal donnu bdiet tistabbilizza ruħha, hekk kif in-numru ta’ każi ġodda naqsu drastikament u n-numri fl-isptarijiet baqgħu stabbli. B’riżultat ta’ dan, anke bir-rata b’saħħitha ta’ tilqim bil-booster, issa ninsabu f’pożizzjoni fejn qed jerġgħu jonqsu r-restrizzjonijiet biex b’hekk qegħdin nersqu dejjem aktar lejn in-normalità kif nafuha.

Li resqin lejn in-normalità huwa rifless ukoll fi studju li sar dwar l-andament tan-negozju f’Għawdex. Dan l-istudju, li sar mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, sab li fl-2021, 68% tal-istabbilimenti Għawdxin irrapportaw żieda fl-attività kummerċjali tagħhom meta mqabbel mal-2020, is-sena li faqqgħet il-pandemija, filwaqt li 24% tal-istabbilimenti qalu li baqgħu fl-istess livelli u 8% irrapportaw li kellhom inqas negozju.

Dan kollu fil-fehma tagħna juri l-progress li sar b’riżultat ta’ sforzi minn dawk involuti fis-settur. Imma ejja naraw eżattament minn fejn tlaqna u x’kien dak li wassal biex setgħu jinkisbu dawn ir-riżultati inkoraġġanti għas-settur turistiku f’Għawdex. 

Hekk kif il-pandemija kienet għadha fl-ewwel xhur tagħha, is-sens ta’ inċertezza u biża’ kien għadu predominanti b’restrizzjonijiet qawwija u bl-ivvjaġġar kien prattikament wieqaf għalkollox bl-għeluq tal-ajruport u l-portijiet. Dan filwaqt li n-negozji kienu qed joperaw taħt ċirkostanzi li qatt ma affaċċjawhom qabel.

Maż-żmien bdew jonqsu aktar restrizzjonijiet filwaqt li bdew jingħataw iżjed inċentivi fiskali li permezz tagħhom minkejja l-pandemija żdied il-konsum. Iżda l-inċertezza xorta waħda kienet għadha tinħass. Minkejja dan, Għawdex xorta waħda baqgħet tkun destinazzjoni preferita mal-Maltin, fejn ħafna kienu dawk li ħatfu l-okkażjoni biex iqattgħu l-vaganzi tagħhom fil-gżira tat-tliet għoljiet. 

Ninnutaw b’sodisfazzjon li s-sena li għaddiet żdiedet sew il-fiduċja fost dawk li jivvjaġġaw lejn Malta, bil-vaċċin jgħin sabiex it-turisti mlaqqma jieħdu vaganza f’Malta li tinkludi wkoll lil Għawdex u b’hekk ir-rota ekonomika setgħet tkompli ddur. 

Huwa ttamat li aktar ma tiżdied ir-rata ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżi oħra, jerġa’ jibda jkun hemm għatx kbir għas-safar li minnha jista’ jgawdi pajjiżna. B’dan kollu f’moħħna ninsabu ottimisti li jekk nibqgħu kawti u nsegwu d-direttivi, din is-sena tidher li se tkun tajba u nittamaw li ma ndumux ma naslu għal-livelli ta’ qabel bdiet il-pandemija.

Ekonomija

Sport