Monday, March 9, 2026

l-Partit Laburista jżur id-DiHubMT u l-ħaddiema b’ħiliet diġitali

L-AI hija għodda biex togħla l-kwalità ta’ ħajjet in-nies skont kif tistipula l-Viżjoni Malta 2050.

Aqra wkoll

Delegazzjoni tal-Partit Laburista żaret id-Digital Innovation Hub (DiHubMT), proġett tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), sabiex jara mill-qrib il-ħidma li qed issir biex Malta tkompli timmodernizza l-ekonomija tagħha permezz tat-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali. Din hija waħda miż-żjarat li l-Partit Laburista qed jagħmel b’rabta mal-miri u l-miżuri tal-Viżjoni Malta 2050.

Id-delegazzjoni, immexxija mid-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay, ingħatat tagħrif dwar kif l-MDIA qed tħaddem inizjattivi li jallinjaw mal-miri tal-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq soċjetà aktar diġitalment litterata, fuq it-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema, u fuq ir-reżiljenza nazzjonali f’dinja dejjem aktar dipendenti fuq it-teknoloġija.

Matul iż-żjara ġie spjegat kif id-DiHubMT joffri appoġġ prattiku u tekniku lil startups u SMEs fl-oqsma tal-AI, iċ-ċibersigurtà u teknoloġiji diġitali avvanzati, filwaqt li jkompli jsaħħaħ it-taħriġ ta’ reskilling u upskilling għal aktar parteċipanti, biex pajjiżna jkollu l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tal-futur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, spjega kif dak li qed isir fid-DiHubMT huwa kruċjali biex l-Intelliġenza Artifiċjali tkun għodda reali li tgħin lill-ekonomija Maltija u ttejjeb is-servizzi. Huwa qal li meta wieħed jaqra l-Viżjoni Malta 2050, jinnota mill-ewwel li t-teknoloġija, u b’mod partikulari l-Intelliġenza Artifiċjali, hija fost l-għodod prinċipali ta’ din il-viżjoni. Saħaq li l-AI, li diġà hi realtà, tista’ tgħin biex ċertu servizzi jingħataw b’mod aktar malajr, b’aktar effiċjenza u b’aktar dettall, biex il-poplu Malti jgawdi minn servizzi aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Min-naħa tiegħu, Dr Alex Agius Saliba sostna li d-DiHubMT jirrappreżenta mudell ċar ta’ fejn Malta trid tasal bħala pajjiż, billi joħloq opportunitajiet konkreti għaż-żgħażagħ, għall-istudenti u għal dawk li jixtiequ jimirħu fl-industriji tagħhom permezz tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Huwa rrimarka li dan it-tip ta’ spazju jagħti ċans lill-ideat u l-aspirazzjonijiet biex jinqalbu f’realtà, u jservi biex kumpaniji jkunu jistgħu jikbru u jsaħħu l-kompetittività tagħhom fis-suq.

Dr Agius Saliba nnota wkoll l-investiment li sar fil-binja u l-opportunitajiet li qed jingħataw lil diversi kumpaniji biex jużaw it-tagħmir u r-riżorsi disponibbli fuq il-post. Saħaq li l-approċċ għandu jibqa’ wieħed ambizzjuż: “Qed nagħmluha bil-fatti, u nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna aktar bil-miri u t-tragwardi li għandna quddiemna.”

Il-Partit Laburista jemmen li l-investiment fil-ħiliet, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni jibqa’ essenzjali biex Malta tkompli tħares ’il quddiem b’kunfidenza, b’ekonomija aktar moderna u b’soċjetà aktar reżiljenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport