Sunday, November 24, 2024

l-PM jawgura lil Metsola… jgħid li l-interess nazzjonali dejjem jipprevali

Aqra wkoll

F’kummenti li ta lill-midja, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Roberta Metsola għall-ħatra mill-ġdid tagħha fil-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew. Huwa stqarr li f’dawn l-aħħar xhur kien hemm numru ta’ temi li mhux dejjem qablu dwarhom, bejn il-pożizzjoni li ħadet hi u l-pożizzjoni li bħala Gvern Malti emmnu li kellha tkun dik korretta.

B’danakollu, numru ta’ ġimgħat ilu meta bdew id-diskussjonijiet rilevanti u mill-aktar importanti dwar min kellu jokkupa l-erba’ karigi ewlenin fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li għalih l-għażla kienet waħda ċara.

“Fuq naħa kelli dawn id-diverġenzi li semmejt però fuq in-naħa l-oħra kelli persuna ta’ nazzjonalità Maltija li setgħet tiġi msejħa mill-ġdid biex timla waħda mill-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea. Għalija l-interess nazzjonali mmilita favur li jien nappoġġja b’mod b’saħħtu n-nomina mill-ġdid tagħha biex tkun tista’ tokkupa din il-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew kif ġara,” tenna l-Prim Ministru.

“Għalija fejn għandek dawn il-kwistjonijiet, fuq naħa n-nuqqas ta’ qbil dwar numru ta’ temi u kien importanti nirreġistraw dak in-nuqqas ta’ qbil, imma fuq in-naħa l-oħra għandek persuna ta’ nazzjonalità Maltija, għalija l-interess nazzjonali jimmilita favur tal-aħħar.”

Mistoqsi dwar il-fatt li żewġ Membri Parlamentari Ewropej min-naħa tal-Partit Laburista għażlu li jastjenu, il-Prim Ministru qal li dawn ma vvutawx kontra u taw l-ispjegi relattivi tagħhom. “Dan il-vot kien konsegwenza ta’ deċiżjoni ferm iktar importanti minn hekk. Id-deċiżjoni li bdiet numru ta’ xhur ilu f’fora tant importanti tal-UE u li l-pożizzjoni tiegħi għamiltha ċara.”

“Il-kuntest huwa dak li hu. Inħares ‘il quddiem. Nifhem li issa l-President tal-PE tkun taħt l-iskrutinju tagħna u se jkun hemm probabbilment temi fejn nerġgħu ma naqblux, imma l-interess nazzjonali dejjem jipprevali,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech awgura lil Roberta Metsola wara li ġiet ikkonfermata mill-ġdid bħala President tal-PE. Qal li għal dawn l-aħħar snin, Roberta dejjem għolliet isem Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej u kienet rappreżentanta denja tal-poplu Malti u Għawdxi f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Intant, fi stqarrija, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia nnota wkoll bi pjaċir l-elezzjoni għal terminu ieħor tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola bħala l-President tal-Parlament Ewropew. Kariga li qal li hija ta’ prestiġju għal Membru Malti.

Sport