Il-Qorti ċaħdet talba biex jinħatar espert tekniku biex jiftaħ il-pen drive li kienu mibgħuta mill-FBI filwaqt li qalet li it-tali prova mressqa riċentament “inamissibbli”. Dan seħħ hekk kif kompliet tinstema l-kawża ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti ta’ Daniel Joe Meli ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar.
L-Avukat Daphne Baldacchino, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ippreżentat numru ta’ dokumentazzjoni fosthom pen drive li kienu mibgħuta mill-awtoritajiet Amerikani. L-avukat qalet li fil-pen drive hemm ‘malware’ waqt li talbet ukoll lill-Qorti taħtar espert sabiex jiftaħha.
Min-naħa tagħha d-difiża oġġezzjonat għal din it-talba fejn qalu li dawn il-provi huma parti mill-proċeduri quddiem il-Magistrat Lara Lanfranco u l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li taw l-ordni, illi kwalunkwe prova miġbura minnhom ma tintużax bħala evidenza fil-proċeduri quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
Id-difiża qalet ukoll li l-esperti Dr Martin Bajada u Dr Keith Cutajar ġew ingaġġati mill-Maġistrati biex jassistuhom fl-investigazzjonijiet u lanqas tħallew jixhdu f’dawn il-proċeduri.
Wara li sema liż-żewġ naħat il-Maġistrat Leonard Caruana ordna l-isfliz tad-dokumentazzjoni kif ukoll tal-pen drive annessa magħha.
Daniel Meli ngħata l-ħelsien mill-arrest aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud. Meli qed jidher assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri.