L-Iskola tal-Ibburjdar tar-Royal Malta Yacht Club – l-RMYC Sailing School – kisbet riżultati sodisfaċenti fis-Sailing Point Easter Regatta 2026, li saret f’Portorož, is-Slovenja, u ntemmet f’Ħadd il-Għid. Il-baħħara tal-Optimist taw prestazzjonijiet konsistenti fost flotta internazzjonali kompetittiva.
Ir-regatta ġabret 396 baħħar minn 15-il pajjiż, u saħħet il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-avvenimenti ewlenin fuq il-kalendarju Ewropew tal-ibburdjar għaż-żgħażagħ.
Il-kontinġent tal-RMYC Sailing School kien immexxi mill-Team Leader Rachel Ferry u mill-Head Coach Ruya Cakmakli, b’sitt atleti jirrappreżentaw lill-Club: Gianni Bianchi, Polina Chaplytska, Jaime Escudero Carra, Ethan Kodjaazliev, Marko Kuvichkin u Ben Spiteri Bailey.

Bħala preparazzjoni għar-regatta, it-tim ħa sehem f’ kamp ta’ taħriġ ta’ erbat ijiem taħt il-gwida ta’ Maurizio Bencic, b’enfasi fuq l-adattament għall-kundizzjonijiet lokali u t-titjib fil-parteċipazzjoni kompettitiva fit-tlielaq.
Il-kundizzjonijiet kienu varjati. L-ewwel jum kien partikolarment impenjattiv, b’ħin twil ta’ stennija fuq il-baħar għal riħ stabbli. It-tiġrijiet bdew f’riħ ta’ 12–17 il-mil nawtiku fis-siegħa qabel ma l-kundizzjonijiet reġgħu saru instabbli, u kien meħtieġ li l-flotta tiġi mċaqalqa barra mill-port.
Il-jiem ta’ wara kienu kkaratterizzati minn riħ ħafif, speċjalment fl-aħħar tlett ijiem. Dawn il-kundizzjonijiet poġġew enfasi fuq il-konsistenza, il-kontroll tad-dgħajsa u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
L-ewwel jumejn kienu ddedikati għat-tellieqa ta’ kwalifikazzjoni, segwiti minn tiġrijiet finali matul l-aħħar jumejn. Il-programm tlesta kollu, b’10 tlielaq fil-Gold Fleet u 9 fis-Silver Fleet.
Gold Fleet (93 parteċipant)
Gianni Bianchi spiċċa fil-11-il post wara serje ta’prestazzjonijiet konsistenti, li kienu jinkludu rebħa fl-aħħar tiġrija u t-tieni post fit-tieni tellieqa. Ethan Kodjaazliev temm fil-31 post.
Silver Fleet (92 parteċipant)
Jaime Escudero Carra kiseb it-2 post fil-Silver Fleet, riżultat b’saħħtu fi ħdan grupp kbir u kompetittiv.
Fost dawk li kkompetew ukoll fil-Silver Fleet kien hemm Marko Kuvichkin (34), Ben Spiteri Bailey (62) u Polina Chaplytska (77), li kollha kisbu esperjenza siewja f’dan il-livell.
“Din il-kampanja internazzjonali tirrifletti l-iżvilupp kontinwu tal-programm tal-RMYC Sailing School bil-baħħara juru reżiljenza u konsistenza f’kundizzjonijiet varjati,” qalet il-Head Coach Ruya Cakmakli.
Ir-Royal Malta Yacht Club feraħ lis-sitt baħħara kollha għall-isforzi tagħhom u rringrazzja lill-Head Coach Ruya Cakmakli, lit-Team Leader Rachel Ferry, u lil Maurizio Bencic għax-xogħol tagħhom fit-tħejjija u l-appoġġ lit-tim.

