Friday, November 22, 2024

L-UE bi tħejjija għal tliet rapporti speċjali dwar il-migrazzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

L-eks Ministru u eks Deputat Parlamentari, Leo Brincat, fil-kariga tiegħu ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri matul dawn is-sentejn ingħata l-inkarigu ta’ tliet rapporti speċjali prijoritarji lkoll marbuta mal-migrazzjoni. Wieħed huwa dwar iI-hot spots fil-Greċja u l-Italja flimkien mal-immaniġjar tal-Immigrazzjoni fl-UE u ż-żewġ rapporti l-oħra, li għad iridu jiġu ffinalizzati fl-ewwel nofs tas-sena l-ġdida tal-2021, wieħed huwa dwar l-aġenzija Frontex, li issa qiegħda tissejjaħ il-“European Border and Coast Guard Agency”, responsabbli għall-kontroll tal-konfini fiż-żona Schengen kollha; u l-ieħor dwar il-“Politika tar-Ritorn tal-Immigranti Irregolari Lejn Pajjiżhom”. 

Leo Brincat huwa Fellow taċ-Chartered Institute of Bankers, illum imsejjaħ l-Institute of Financial Services. Il-ħatra tiegħu bħala membru daħlet fis-seħħ f’Ottubru tas-sena 2016 u tasal fit-terminu tagħha ta’ sitt snin fis-sena 2022.  Fost ix-xogħol impenjattiv li għandu jgħidilna li miż-żjarat kollha li għamel, l-aktar waħda li baqgħet stampata f’moħħu hija dik tal-hot spot ta’ Samos fil-Greċja. 

Dan ix-xogħol ħadu fl-aktar postijiet diffiċli fil-Greċja (Samos) u fl-Italja fejn sabu li din l-gżira ta’ Samos, li tinsab biss madwar żewġ kilometri ‘l bogħod mill-kosta Torka, kienet eks bażi militari li suppost kellha post għal 650 ruħ biss. Minflok, din ġieli ospitat bejn 4,000-8,000 ruħ fejn terz tar-rifuġjati kienu taħt it-18-il sena u l-biċċa l-kbira tagħhom kienu Sirjani u Afgani. 

Rapporti li se jqanqlu interess

Fuq il-politika dwar ritorn lejn pajjiżi terzi ta’ immigranti rregolari, Leo Brincat jgħid li, “kif huwa magħruf, l-Unjoni Ewropea sal-lum ftit li xejn kellha suċċess u ż-żewġ rapporti, kif indikat mill-feedback li qiegħed ikollhom fil-Qorti Ewropea, mistennija jqanqlu interess kbir ġaladarba jiġu ppubblikati.” 

Huwa qal li, “il-kundizzjonijiet infushom f’Samos kienu problemattiċi ħafna. Għal dawk li huma taħditiet sibna koperazzjoni kbira mill-gvern preċedenti Taljan meta ġewwa Ruma, f’temp ta’ jumejn, laqqgħuna mal-ogħla uffiċjali tal-Guardia di Finanza, il-Prefetti tal-Pulizija u l-Kmandant Ġenerali tal-Coast Guards Taljani”. Leo Brincat jgħid kif aktar tard, huwa kellu żjara oħra mat-tim tekniku tal-Ministru tal-lum tal-migrazzjoni, Luciana Lamorgese.

Barra minnhekk, dwar il-migrazzjoni, fi żmien il-Presidenza tal-UE tal-Ġermanja, Leo Brincat iltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat għall-Intern, Helmut Teichmann.

Il-kariga prestiġġjuża u ta’ unur li għandu f’din il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li kull stat membru tal-Unjoni Ewropea għandu bi dritt membru wieħed, tagħti lil Brincat għadd ta’ responsabbiltajiet f’oqsma differenti. Fosthom il-Foresight Reflection Group tal-Qorti għamel żjara fl-Istati Uniti bħala mistieden tal-General Audit Offfice (GAO) Amerikana. Hawnhekk, iltaqgħu mal-biċċa l-kbira tat-think tanks ewlenin Amerikani. 

Għalkemm bħala Kulleġġ tal-Membri jiltaqgħu regolarment kif jiltaqgħu l-Kabinetti tal-Gvernijiet fl-Istati Membri, bħala membri jinsabu maqsuma f’ħames chambers. 

Wara li għall-bidu Leo Brincat beda f’Chamber V fejn kien responsabbli dwar l-amministrazzjoni u l-finanzjament tal-UE, minħabba l-esperjenza tiegħu ta’ bosta snin fuq livell parlamentari u politiku fil-qasam tal-Affarijiet Barranin, sentejn ilu kien innominat mill-President biex iservi fuq Chamber III – li għandu x’jaqsam mal-Affarijiet Barranin, il-Ġustizzja, is-Sigurtà u l-Migrazzjoni. 

Sport