Wara l-laqgħa bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin fl-Alaska, seħħet il-laqgħa tant mistennija bejn għadd ta’ mexxejja Ewropja, Donald Trump u Volodymyr Zelensky. Kienet laqgħa li telqet b’wegħdiet vagi ta’ appoġġ mill-Istati Uniti. Għaliex vagi? Għax kienu wegħdi bla ebda garanziji biex isolvu l-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja. Kienet ukoll laqgħa fejn l-Unjoni Ewropea ingħatat il-ġenb, tant li mhix parti mil-laqgħa propost bejn Trump, Zelensky u Putin.
Il-laqgħa bejn Trump u Putin ħasdet lill-Kapijiet ta’ Stati Ewropej. Ħasditihom għax waqt li huma kienu ilhom għal xhur sħaħ għaddejjin bir-retorika li l-Ewropa hi mhedda mir-Russja, u din it-theddida tant ħassew li hi kbira li anke bdew ippreparaw biex iżidu bil-kbir in-nefqa fuq l-armamenti, raw lil Trump jiddiskuti ma’ Putin. Diskussjoni li ħalliet lill-Unjoni Ewropea u kapijiet ta’ Stati Ewropej għal kollox barra minn dawn id-diskussjonijiet. Dan il-fatt waħdu jurik kemm hi dgħajfa l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, minkejja snin ta’ ħidma u iniżjattivi biex l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-politika barranija.
Wara t-teatrin tal-laqgħa bejn Trump u Zelensky ftit tal-ġimgħat ilu, issa rajna ammont ta’ Kapijiet ta’ Stati Ewropej li marru għal laqgħa bejn Zelensky u Trump. Apparti li dan sar biex joffru appoġġ lil Zelensky, m’hemm ebda dubju li huma kienu se jippruvaw jikkonvinċu lil Trump dwar dak li huma isejħu it-theddida Russa għall-Ewropa. Riedu ukoll juru li l-Unjoni Ewropea hi sieħeb importanti fil-politika barranija.
Punt kruċjali għall-kapijiet ta’ Stati Ewropej, li hi l-pożizzjoni ukoll tal-Unjoni Ewropea, hi dik li ma jaċċettaw ebda negozjati jekk jibqa’ għaddej il-ġlied u l-attakki. Dwar dan jidher li ma kien hemm ebda progress u ebda żviluppi.
Filfatt kemm il-President Franċiż Macron u l-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz enfasizzaw u ddikjaraw li ma kinux se jikkunsidraw negozjati jekk jibqgħu għaddejjin il-bumbardamenti mir-Russja.
Mil-laqgħa bejn Trump, Zelensky u l-kapijiet ta’ Stati Ewropej, kompla ħareġ id-diżappunt tal-kapijiet ta’ Stati Ewropej. Dan għax il-President Trump ma impenjax ruħu li jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa f’negozjati futuri għal waqfien tal-kunflitt fl-Ukrajna.
Hu fatt li l-Ewropea ilha tipprova tkun involuta f’diskussjonijiet simili, Il-mod kif Trump qatagħhom ‘barra taqta’ fil-laħam il-ħaj. L-Ewropej dejjem talbu li jkunu inklużi fil-laqgħat fuq il-premessa li s-sigurtà fl-Ewropa tinsab f’riskju u mhedda mir-Russja.
Minkejja it-theddida li l-Unjoni Ewropea ssemmi b’mod kontinwu, Trump warrab għal kollox lill-Kapijiet tal-Istati Ewropej u ssuġġerixxa biss li jkun hemm summit bejn l-Istati Uniti, l-Ukrajna u r-Russja.
Diżappunt ieħor li joħroġ minn din il-laqgħa għall-mexxejja tal-Istati Ewropej li attendew hu dak fejn jirrigwarda l-waqfien mill-ġlied. Il-mexxejja Ewropej esprimew appoġġ għal waqfien mill-ġlied, iżda Trump iddubita l-ħtieġa ta’ miżura bħal din. Il-pożizzjoni ta’ Trump tikkuntrasta mal-pożizzjoni tiegħu qabel is-summit tal-ġimgħa li għaddiet ma’ Putin.
Anki fejn jidħlu l-garanziji ta’ sigurtà tal-Istati Uniti għall-Ukrajna, Trump ma elaborax u kien vag ħafna.
U sadanittant il-kunflitt jibqa’ għaddej.. Jibqgħu jitiflu ħajjiet innoċenti.