Tuesday, December 24, 2024

L-UE: Il-qtugħ tal-provvista tal-gass mir-Russja hija “rikatt”

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea qalet li d-deċiżjoni tar-Russja li taqta’ l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Polonja u l-Bulgarija hija “strument ta’ rikatt”. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li din il-mossa turi biċ-ċar kemm ir-Russja hija fornitur li “mhux ta’ min joqgħod fuqu”.

Min-naħa l-oħra, il-Kremlin qal li r-Russja kienet sfurzata li tieħu din l-azzjoni minħabba “l-passi xejn kordjali” min-nazzjonijiet tal-Punent. L-Ewropa tiddependi ħafna fuq ir-Russja f’dik li hija importazzjoni ta’ gass, tant li hija timporta terz tal-provvista tagħha minn dan il-pajjiż. 

Minkejja li wara l-invażjoni fl-Ukrajna ħafna pajjiżi Ewropej ħadu passi biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom minn fuq l-importazzjoni tal-gass mir-Russja, din tal-aħħar xorta waħda baqgħet tforni ammonti kbar ta’ gass lejn pajjiżi Ewropej. Ġara li wara l-invażjoni Russa l-pajjiżi tal-Punent imponew sanzjonijiet finanzjarji fuq Moska u bħala risposta l-President Russu Vladimir Putin kien ħabbar li “pajjiżi mhux ħbieb” jeħtieġ li jħallsu għall-gass bil-munita Russa. Il-kumpanija ġganteska tal-istat Russu Gazprom, li għandha monopolju fil-fornament tal-gass ġewwa r-Russja, qalet li hija waqqfet il-provvista tal-gass lejn il-Bulgarija u l-Polonja proprju għax dawn ma ħallsux bil-munita Russa. 

Min-naħa tagħha, il-Polonja qalet li din il-mossa mhi xejn għajr ritaljazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sanzjonijiet imposti fil-konfront ta’ individwi u kumpaniji Russi. Apparti hekk il-Polonja sar ukoll pajjiż kruċjali minn fejn jgħaddu l-armamenti lejn l-Ukrajna. Fir-rigward tal-Bulgarija, dan il-pajjiż storikament għandu relazzjonijiet tajbin mar-Russja iżda jidher li dawn marru kemxejn lura wara li s-sena li għaddiet ġie maħtur gvern ġdid u dan kienu kritiku tal-invażjoni ġewwa l-Ukrajna.  

Ekonomija

Sport