Friday, April 11, 2025

L-UE mhux se tkisser ir-regoli tat-teknoloġija biex tilħaq ftehim kummerċjali ma’ Trump

Aqra wkoll

Il-Blokk Ewropew huwa impenjat ħafna li jibqa żżomm mal-liġijiet dwar it-teknoloġija, madankollu mhux se jkun qed jimmira lejn kumpaniji Amerikani. Henna Virkkunen, il-viċi-president tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għas-sovranità tat-teknoloġija, indikat li l-UE ma kinitx se tagħmel kompromess jew tkisser ir-regoli diġitali tagħha biex tilħaq ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti kif talbu uffiċjali ewlenin tal-amministrazzjoni Trump.

Virkkunen, f’intervista ma’ gazzetti Ewropej, qalet li l-UE trid tiżgura l-ambjent diġitali tagħha fl-Unjoni li huwa ġust u sikur u wkoll demokratiku. B’ġentilezza rrifjutat kull suġġerimenti li r-regolamenti diġitali tal-UE huma ostakoli għall-kummerċ, u qalet li l-istess regoli japplikaw għall-kumpaniji kollha, kemm dawk Ewropej, Amerikani jew Ċniżi. 

Fl-aħħar jiem, f’artiklu fil-Financial Times li fih litanija ta’ ilmenti, il-konsulent kummerċjali ta Trump, Peter Navarro, sostna li l-UE kienet qed tuża l-liġi kontra l-akbar kumpaniji tat-teknoloġija tal-Istati Uniti,. 

Il-kap eżekuttiv tal-Meta, Mark Zuckerberg, akkuża lill-UE li “tistituzzjonalizza ċ-ċensura”, filwaqt li Trump attakka d-deċiżjonijiet Ewropej li jimponu multi u jwettqu investigazzjonijiet anti-trust dwar Apple u Facebook.

B’referenza għar-regoli diġitali tal-UE, il-Kummissarju Virkkunen qalet li d-ditti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti ħafna drabi kellhom obbligi akbar, għaliex kienu fost l-akbar kumpaniji fis-suq dinji. 

Hija tkellmet dwar dan filgħodu wara li Trump ħabbar pawsa ta 90 jum li wassal għall-sospensjoni fuq ħafna tariffi. L-UE iżda għadha qed tiffaċċja tariffi ta’ 10%, kif ukoll dazji ta’ 25% fuq karozzi u metalli li jidħlu fl-Istati Uniti.

Filwaqt li laqgħet id-deċiżjoni tal-Istati Uniti dwar it-tariffi “reċiproċi”, Virkkunen sostniet li l-UE trid li jkollha ftehim kummerċjali tajjeb mal-Istati Uniti u mhux gwerra kummerċjali.

Filwaqt li l-Kummissjoni qalet li l-għażliet ta’ ritaljazzjoni kollha jibqgħu fuq il-mejda jekk ifallu t-taħditiet kummerċjali, ma spekulatx dwar azzjonijiet possibbli tal-UE kontra l-kumpaniji tat-teknoloġija tal-Istati Uniti. Franza sejħet biex ikunu ikkunsidrati miżuri kontra ditti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti bi tweġiba għat-tariffi fuq oġġetti Ewropej. 

Henna Virkkunen, li serviet bħala ministru tal-gvern Finlandiż u membru tal-parlament Ewropew, ħadet il-kariga tagħha fil-kummissjoni Ewropea f’Diċembru li għadda, wara li ngħatat portafol mifrux li jkopri s-sovranità tat-teknoloġija kif ukoll jissorvelja s-sigurtà u l-politiki tal-kontroll tal-fruntieri, u jipproteġi d-demokrazija Ewropea mid-diżinformazzjoni.

Mistoqsija dwar rapporti li l-kummissjoni tista’ timmulta lill-pjattaforma X aktar minn $1 biljun, hija qalet li l-għan tal-Kummissjoni f’dawn l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti mhuwiex li jiġu mposti multi kbar imma li jkun żgurat li l-kumpaniji kollha jkunu qed jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar it-teknoloġija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport