L-Unjoni Ewropea, li għal snin twal kienet tfaħħar l-istabbiltà fiskali u l-bilanċ kummerċjali pożittiv tagħha, issa qiegħda tiffaċċja bidla drastika fil-profil finanzjarju tagħha. Skont l-aħħar informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew (Eurostat), f’Awwissu 2025 l-UE għaddiet minn surplus ta’ €11.4 biljun f’Lulju għal defiċit ta’ €5.8 biljun, f’waħda mill-aktar bidliet qawwija f’perjodu daqshekk qasir.
L-istatistika turi li l-akbar tnaqqis seħħ fis-settur tal-makkinarju u l-vetturi, wieħed mill-pilastri tradizzjonali tal-esportazzjoni Ewropea. Is-surplus f’dan is-settur naqas minn €20.7 biljun għal €7.2 biljun fi żmien xahar wieħed. Dan jirrifletti kollass fid-domanda internazzjonali, partikolarment mill-Ażja u mill-Amerika ta’ Fuq, fejn il-kompetizzjoni minn manifatturi Ċiniżi u Koreani saret aktar aggressiva.
Fl-istess ħin id-defiċit f’oġġetti manifatturati oħra bħal prodotti tal-metall, kimika u apparat elettroniku żdied minn €3.2 biljun għal €6.8 biljun. L-esportazzjonijiet totali naqsu b’6.7%, filwaqt li l-importazzjonijiet niżlu b’4.9%. Għalkemm it-tnaqqis fl-importazzjonijiet seta’ jtaffi ftit mill-pressjoni, il-qagħda ġenerali turi tnaqqis fil-kompetittività Ewropea.
L-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna
Il-bidla finanzjarja tal-UE ma tistax tinftiehem mingħajr ma wieħed jikkonsidra l-Gwerra fl-Ukrajna. Sa tmiem l-2025, il-kontribuzzjoni totali tal-istati membri tal-UE lill-Ukrajna fi flus, armi u garanziji ta’ self, skont il-Commission Tracker laħqet kważi €130 biljun.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-fondi ġew allokati permezz ta’ pakketti ta’ għajnuna militari u rikostruzzjoni, iżda l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-istati membri qiegħed jidher b’mod ċar. Il-Ġermanja u Franza, iż-żewġ ekonomiji ewlenin tal-blokk, fil-fatt qegħdin jiffaċċjaw defiċits fiskali rekord minħabba self u garanziji fuq il-livell Ewropew.
Il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż reċentement wissa li, “is-solidarjetà mal-Ukrajna għandha tkun sostenibbli wkoll ekonomikament,” filwaqt li analisti f’Pariġi qegħdin iwissu li s-sostenibbiltà tas-self konġunt Ewropew tista’ tidħol f’fażi delikata jekk it-tkabbir ekonomiku jibqa’ dgħajjef.
Żieda fid-dejn u tħassib dwar is-sostenibbiltà
Skont stimi tal-Kummissjoni Ewropea d-dejn medju tal-istati membri issa laħaq 88% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) kollettiv tal-UE meta mqabbel ma’ 82% sentejn ilu. F’pajjiżi bħall-Italja u Franza, il-livell diġà qabeż il-limitu ta’ 100%.
Ekonomisti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) wissew li jekk il-politika fiskali ma tiġix aġġustata, hemm riskju li l-investiment pubbliku fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jiġi sfurzat lura biex jiġu ffinanzjati impenji militari u diżastri umanitarji.
“Qed naraw tensjoni dejjem tikber bejn l-ispejjeż ta’ sigurtà u l-prijoritajiet ekonomiċi fit-tul,” wissa analist fiċ-Ċentru Ewropew għall-Istudji Ekonomiċi f’Brussell. Żied li, “din il-bidla fil-bilanċ tista’ tkun il-bidu ta’ era ġdida ta’ politika fiskali aktar diffiċli għall-Ewropa.”
Kummerċ, dejn u l-futur ekonomiku
Il-defiċit kummerċjali tal-UE issa qiegħed jissarraf fi tħassib dwar l-impatt fuq il-valur tal-ewro u fuq il-pożizzjoni tal-Ewropa fis-suq globali. Xi esperti jsostnu li l-blokk għandu jirrevedi l-politika kummerċjali tiegħu biex iħeġġeġ aktar produzzjoni domestika u jitnaqqsu d-dipendenzi fuq importazzjonijiet strateġiċi, partikolarment fil-qasam tal-enerġija u t-teknoloġija.
Barra minnhekk, l-isfidi demografiċi u l-pressjoni inflazzjonarja qegħdin iżidu l-piż fuq il-gvernijiet. Għalkemm l-inflazzjoni f’Settembru kienet stabbilizzat madwar 2.8%, il-konsum privat baqa’ dgħajjef u l-fiduċja tan-negozji mnaqqsa.
Il-bidla minn surplus għal defiċit fi ftit xhur biss mhiex biss kwistjoni ta’ ċifri imma hija sinjal ta’ tensjoni sistemika fl-ekonomija Ewropea. L-UE qiegħda tipprova żżomm bilanċ delikat bejn solidarjetà politika u prudenza fiskali iżda l-pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi qegħdin jikbru b’mod allarmanti.
Hekk kif id-dejn jiżdied u l-finanzjament tal-gwerra jkompli, wieħed jistaqsi: kemm jista’ jżomm dan il-mudell ta’ sostenn qabel ma jċedi taħt il-piż ekonomiku tiegħu stess?