Friday, July 18, 2025

L-UE PAĊI GĦANDHA BŻONN U MHUX ARMAMENTI

Aqra wkoll

Proprju nhar l-Erbgħa li għaddew wara stennija ta’ sigħat u konfużjoni sħiħa fl-istituzzjonijiet Ewropej b’rabta mat-tħabbira tal-baġit għas-snin 2028 – 2034, smajna dak li kien previst. Smajna b’nefqiet akbar biex l-Unjoni Ewropea tarma ruħha militarment. L-iskuża li qegħdin iġibu hi dik ta’ riskju ta’ theddida. Dak li smajna imma mhux kulħadd stennieh. L-ispiża fuq tagħmir militari se tkun qiegħda tiżdied b’mod sostanzjali. Ma’ dan għandek spiża oħra, dik ta’ finanzjament biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid.

Din hi żieda fl-ispiża li għaliha se jkollu jagħmel tajjeb iċ-ċittadin Ewropew. Se jkun hu li se jiffinanzja dan, b’mod jew b’ieħor. Inutli jgħidulna li se jġibu fondi minn tassazzjoni fuq kumpaniji u korporazzjoni kbar, mis-sigaretti u minn skart teknoloġiku. Il-punt jibqa’ li wara li tidħol din it-tassazzjoni il-piż fuq min se jintefa’? L-istorja nafuha – il-piż dejjem jintefa’ fuq iċ-ċittadin. Inutli l-Kummissjoni Ewropea tipprova tpingi s-sitwazzjoni differenti. Ir-realtà hi dik li finalment il-piż dejjem iġorru ċ-ċittadin.

Għandna sitwazzjoni fejn l-Unjoni Ewropea ilha għal dawn l-aħħar tlett snin tgħin militarment u finanzjarjament lill-Ukrajna. Ilha tlett snin tgħinha biex tirreżisti lir-Russja. Issa qegħdin jitkellmu fuq fondi biex terġa’ tinbena mill-ġdid. Dan flimkien ma’ għajnuniet oħra militari.

Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak li ma jerġgħax ikun hemm gwerra oħra fl-Ewropa. Dak kien l-għan li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Illum il-paċi fl-Ewropa jidher li twarrbet għal kollox. In-narrattiva li qegħdin nisimgħu llum hi ta’ theddid, li hemm bżonn tarma lilha nfisha u tonfoq aktar f’armi.  U meta tisma’ dan ma tistax ma tistaqsix imma possibbli l-politiċi u l-burokratiċi Ewropej mhux jindunaw li l-Ewropa paċi għandha bżonn u mhux gwerer.

X’sens jagħmel, metą għandek pajjiżi  diġa qegħdin idaħħlu miżuri ta’ awsterità f’pajjiżhom, li jiġi propost li n-nefqa militari tiżdied u tiżdied b’mod qawwi?  Saru tentattivi għall-paċi, fil-kunflitti li hawn madwar id-dinja imma kollha fallew. U ma tistax ma tistaqsix, għaliex fallew?  Hemm min għandu interess li tali kunflitti jitkomplew? Hemm min qiegħed igawdi u jagħmel il-profitti minn dak li għaddej?  Possibbli ma’ tgħallimna xejn mill-istorja? Ma tgħallimna xejn minn dak li seħħ 80 sena ilu?

Nemmnu li l-interess tal-Istati Uniti kien dak li ma joħroġ ebda rebbieħ minn dan il-kunflitt għall-inqas fl-immedjat.  L-Unjoni Ewropea riedet rebħa Ukrena. Il-mod kif ittawwal il-kunflitt ħoloq pressjonijiet finanzjarji fuq il-pajjiżi u anke pressjonijiet miċ-ċittadini.

Illum għandna sitwazzjojni ta’ Ukrajna li tinsab f’pożizzjoni dgħajfa. Hu fatt li l-Ukrajna setgħet tirreżisti l-invażjoni Russa bl-għajnuna ta’ armamenti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.  Illum kulħadd hu konxju li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ din il-gwerra. Tista’ biss tirreżisti. Il-mistoqsija imma hi kemm se ddum tirreżisti?  Kemm se jdumu jiġu ppumpjati flejjes? Kemm se jdumu jintbagħtu armamenti li l-vittmi tagħhom huma nies ċivili? Meta se tifhem l-Unjoni Ewropea li s-soluzzjoni hi li tagħti spazju ġenwin biex isseħħ il-paċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport