Komplew fl-aħħar sigħat l-attakki fuq Gaża. Minkejja s-suppost ftehim ta’ paċi, minkejja dak kollu li ingħad anke minn esponenti tal-Unjoni Ewropea, l-attakki fuq għadd ta’ żoni f’Gaża baqgħu għaddejjin għalkemm b’inqas intensità minn qabel. Hu kkalkulat li minn mindu seħħ is-suppost ftehim ta’ paċi f’Gaża inqatlu xejn inqas minn 360 persuna minn attakki ġodda li twettqu mill-Gvern ta’ Netanyahu. F’dan l-istess perjodu tlett suldati Iżraeliti tilfu ħajjithom.
Sitwazzjoni inkwetanti għall-aħħar. Iż-żewġ naħat jakkużaw lil xulxin bi ksur ta’ ftehim. U waqt li għaddej dan ikompli il-qtil ta’ persuni innoċenti. Tkompli t-tbatija tan-nies f’Gaża. Nies maqbudin f’żona f’agħar kundizzjonijiet immaġinabbli. U waqt li għaddej dan kollu, min suppost jitkellem, qiegħed idawwar wiċċu banda oħra. Daqs li kieku mhu jiġri xejn.
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea siktin. Indifferenti lejn dak li qiegħed jiġri. Jistgħu jagħmlu ħafna biex dawn l-attakki jieqfu. Minkejja dan qegħdin jagħżlu li ma jagħmlu xejn. U dan ifisser, li Iżrael jista’ jkompli għaddej b’dak li qiegħed iwettaq. Il-vittmi dejjem ikunu persuni ċivili, prinċipalment nisa u tfal.
Wieħed ma jistax ma jirrimarkax kif l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea waqt li qegħdin jagħżlu li jagħlqu għajnejhom u jdawwru wiċċhom naħa oħra għal dak li qiegħed jagħmel il-Gvern ta’ Netanyahu, f’kunflitti oħra aġixxew b’mod totalment differenti. Wieħed jista’ jħares lejn il-kunflitt fl-Ukrajna fejn l-Unjoni Ewropea, b’mod immedjat intefgħet man-naħa Ukrena, bdiet tgħin finanzjarjament u anke b’armi mill-pajjiżi membri. Mhux biss imma anke imponiet sanzjonijiet fuq ir-Russja. L-Istati Uniti fil-każ ta’ kunflitti oħra ma ħasbithiex darbtejn biex taġixxi u timponi sanzjonijiet.
Dawn huma sanzjonijiet li aktar iva milli le ibatu minnhom il-popli ċivili. Ibatu nies innoċenti li ma jkollhom x’jaħtu xejn għall-kunflitt li jkun għaddej.
U waqt li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jibqgħu siktin u indifferenti, il-gvern ta’ Netanyahu jara dan bħala opportunità biex jibqa’ għaddej bit-tindif etniku f’Gaża. Tindif etniku li llum jidher ċar ħafna. Żoni sħaħ f’Gaża litteralment inqerdu, waqt li l-attakki jsiru fuq kollox – żoni ċivili, sptarijiet, skejjel, kampjiet tar-refuġjati u saħansitra anke fil-postijiet fejn ir-residenti ta’ Gaża imorru jiġbru l-ikel.
U f’dawn l-attakki mill-Gvern ta’ Netanyahu mhux biss rajna imblokk ta’ ikel u għajnuna umanitarja lejn Gaża, li din wasslet biex il-ġuħ intuża bħala arma tal-gwerra, iżda rajna ukoll lill-istess awtoritajiet Iżraeljani jipprojbixxi lill-ġurnalisti milli jidħlu fit-territorju Palestinjan.
Ovvjament dan sar bi skop. Biex dak li twettaq ma jasalx għand popli oħra madwar id-dinja. Ma’ dawn rajna l-qtil ta’ għadd kbir ta’ ġurnalisti Palestinjani. Prattikament qegħdin naraw lil Iżrael jeqred il-libertà tal-istampa, bi ftit reazzjoni mill-Istati Uniti jew mill-Unjoni Ewropea.
Qegħdin naraw kif l-attakki tal-Gvern ta’ Netanyahu, fost il-vittmi tagħha hemm ukoll il-libertà tal-informazzjoni. Għal kważi sentejn, l-awtoritajiet Iżraeljani pprojbixxew lill-istampa milli tidħol f’Gaża. Deċiżjoni inaċċettabbli. Deċiżjoni li qiegħda ċċaħħad lill-popli mill-informazzjoni ta’ qed jiġri f’Gaża.
U proprju fl-aħħar sigħat kellna ġurnalist ieħor li inqatel. Mahmoud Essam Wadi, inqatel b’attakk bi drones f’Khan Younis. Il-qtil tiegħu ifisser li sa issa inqatlu 222 ġurnalist.
Ngħidu bla tlaqlieq li xejn ma jiġġustifika imblokk ta’ informazzjoni bħal dan. Id-dritt għall-informazzjoni jinsab attakkat u mhedded imma l-Unjoni Ewropea u anke l-Istati Uniti, li t-tnejn li huma tant jiftaħru b’dan id-dritt, qegħdin jibqgħu siekta. Id-domanda hi sempliċi, dan id-dritt fundamentali ma jibqgħax dritt, jekk ikun taħt attakk f’art Palestinjana?
M’għandhom dritt il-popli madwar id-dinja ikunu jafu x’qed jiġri jew x’ġara f’Gaża? Nistaqsu dan għax l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tagħha baqgħu siktin ukoll quddiem dan. Tajjeb infakkru li l-ftehim ta’ sħubija kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma’ Iżrael jitlob b’mod espliċitu ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem – kundizzjoni essenzjali f’dan il-ftehim. Biss minkejja li qegħdin naraw dan id-dritt tal-libertà tal-istampa jinkiser sfaċċatament, l-Unjoni Ewropea tibqa’ gallarija.


