Jeremy Harbinson huwa xhud indispensabbli fil-proċeduri fil-Qorti b’rabta mal-koncessjoni tal-isptarijiet. Iddikjara dan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali meta lbieraħ kompliet tinstema’ l-kawża fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u għal darba oħra tqanqlu mistoqsijiet dwar ix-xhieda li għad irid jagħti Harbinson.
Harbinson mhux xhud ordinarju
L-Avukat Franco Debono qal li meta f’dawn il-proċeduri jissemma Jeremy Harbinson, kulħadd irid iżomm f’moħħu illi dan mhux persuna maħruba jew xhud li ma jistax jinstab, iżda huwa espert imqabbad mill-Qorti. Żied illi tant Harbinson mhux xhud ordinarju, illi l-akkużi nħarġu fuq il-bażi tax-xogħol li huwa wettaq.
Dr Debono rrimarka kif qabel intemmet l-inkjesta, Harbinson u sħabu ġew ħafna drabi Malta mingħajr ebda problema u saħansitra nġibditilhom l-attenzjoni għall-ispejjeż għoljin ħafna b’rabta mal-lukandi li kienu qed joqogħdu fihom. “Huwa biss issa meta jrid jiġi jixhed, illi Harbinson beda jsib il-problemi biex jiġi Malta. Qorti fi stat sovran ma tistax tibqa’ tittollera dan l-atteġġjament.”
L-Avukat Charles Mercieca qal illi ġaladarba issa anki l-ufficcju tal-Avukat Generali qed jirrikonoxxi illi Harbinson huwa indispensabbli, skont il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani xhud indispensabbli għandu jkun fiżikament preżenti biex jixhed. Dr Mercieca rrimarka wkoll illi kellhom jgħaddu disa’ xhur sabiex intbagħtu ittri rogatorji fl-Iżvizzera u issa ħareġ li dawn lanqas intbagħtu skont ir-rekwiziti tal-liġi Żvizzera.
Staqsa jekk hux se jigri l-istess jekk se jintbagħtu ittri rogatorji lil Harbinson, waqt li rrimarka illi l-Qorti Ewropea ghad-Drittijiet Umani tisħaq illi kull akkużat għandu jkollu smigħ fi żmien raġonevoli waqt li l-Qorti Kostituzzjonali Maltija kienet qalet li ittra rogatorja għandha tkun esegwita fi żmien sitt xhur.
L-Avukat Vince Galea, f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fakkar lill-Qorti illi waqt li ż-żmien għaddej l-akkużati ghandhom fuqhom freezing order u talab lill-Qorti sabiex tħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex ma jorqodx.
Fil-bidu tas-seduta l-Avukat Galea informa lill-Maġistrat Rachel Montebello li wara li raw il-messaġġi fil-mobile ta’ Dr Muscat jirriżulta li dawn huma ta’ natura personali u relatati max-xogħol. Spjega illi waqt li l-eks Prim Ministru m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin dawn huma rrilevanti għalkollox għall-akkużi li hemm fil-Qorti.
L-Avukat Galea żied illi issa jrid ikun żgurat illi dawn il-messaġġi ma jispiċċawx għand terzi u l-Qorti għandha tassigura li dan ma jiġrix. Hekk kif il-Qorti ordnat illi email mibgħuta minn wieħed mill-esperti ma ssirx pubblika, f’dal-każ għandha tordna illi d-data li kienet estratta mill-mobile ta’ Dr Muscat ma tiġi bl-ebda mod imxandra fil-mezzi kollha tal-media u jekk isir dan min jippubblika xi ħaġa, ikun qiegħed juri disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti.
Fakkar lill-Maġistrat illi jirriżulta bil-provi illi waqt li kienet għaddejja l-inkjesta kien hemm il-leaks u għalhekk il-Qorti għandha tieħu deċiżjoni li torbot anki lil min mhux involut fil-kawża. L-Avukat Galea qal li Dr Muscat huwa eks Prim Ministru u għad għandu influwenza qawwija u għalhekk kull ħaġa dwaru tqanqal interess kif ġara meta l-espert tal-Qorti deherlu li għandu jgħid x’kienet il-password tal-mobile.
L-avukati difensuri ma jridux aċċess għall-messaġġi
Fl-istess ħin iżda kemm Dr Muscat u anki l-avukati tiegħu huma marbuta b’deċiżjoni tal-Qorti li ma jistghux jikkummentaw u għalhekk jekk mhux se jkun hemm ordni mill-Qorti biex il-messaġġi ma jkunux ppublikati mill-media, l-akkużat ma jkun jista’ jaghmel xejn jekk dawn isiru pubbliċi. Il-Magistrat Montebello se tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba ta’ Dr Galea f’seduta oħra. L-avukati difensuri l-oħra kollha qalu illi la għandhom bżonn il-messaġġi mill-mobile ta’ Dr Muscat u lanqas se jitolbuhom. Għaldaqstant dawn il-messaġġi jinstabu biss għand l-avukati difensuri tal-eks Prim Ministru u għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Stefano Filletti qal li l-espert Sam Sittlington f’email li baghat lill-Qorti ddikjara li jaf bħala stat ta’ fatt li blogger partikolari huwa assoċjat mal-imputati kollha. Waqt illi saħaq illi dan huwa fatt skorett għall-aħħar, l-avukat Filletti żied illi din il-konklużjoni, li ma kellu ebda jedd li jasal għaliha, tikkonferma l-animu ta’ Sittlington.