L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jafx fejn jinstab Jeremy Harbinson, espert Irlandiż li l-kumpanija tiegħu tħallset €11-il miljun biex għamlet ir-rapport tal-inkjesta Vitals. Dan minkejja li l-Qorti ordnat illi Harbinson jiġi f’pajjiżna biex jixhed fil-proċeduri li għaddejin dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Jeremy Harbinson tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella biex jikkordina x-xogħol kollu tal-esperti l-oħra li fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tagħhom tħejjit l-inkjesta Vitals u eventwalment numru kbir ta’ nies tressqu quddiem il-Qorti.
F’Malta, Harbinson hu irrappreżentat mill-avukat Peter Fenech, persuna qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista, tant illi fl-aħħar 14-il sena kien irrakkomandat minn Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech biex ikun fuq il-bord tal-Awtorità tax-Xandir, waqt li qabel l-2013 kien maħtur fuq ħafna entitajiet tal-gvern u ngħata diversi konsulenzi legali. Fl-istess ħin Fenech huwa ħabib tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li hadmu flimkien fil-kumpaniji Europa Research and Consultancy u Ganado and Sammut Advocates li wkoll qabel l-2013, ingħataw b’madwar €1.5 miljun f’kuntratti, ħafna minnhom b’direct orders.
Fit-12 ta’ Diċembru l-avukat Fenech ressaq talba f’isem Harbinson sabiex dan l-espert Irlandiż, minflok jiġi Malta sabiex jixhed, jagħmel dan permezz tal-video conference. U dan għax skont Harbinson, martu hija marida u jrid ikun il-ħin kollu magħha. Lejliet il-Milied l-avukati Francesco Refalo, Rebekah Gatt u Shelby Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talbu lill-Qorti biex tawtorizza lil Harbinson sabiex ikun jista’ jagħmel dan.
Ġara iżda li f’żewġ deċiżjonijiet mogħtija b’mod separat mill-Qorti, t-talba tal-avukat Fenech ma kinitx milqugħa. Fis-7 ta’ Jannar u l-għada fit-8 ta’ Jannar, il-Maġistrati Leonard Caruana u Rachel Montebello f’digrieti separati kkonkludew li Jeremy Harbinson irid ikun fiżikament preżenti fil-Qorti sabiex jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-avukati difensuri ta’ dawk li qed ikunu akkużati fuq il-bażi tal-inkjesta li tagħha tħallas €11-il miljun.
Sadanittant l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali intalab sabiex fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa jinforma lill-Qorti dwar x’se tkun il-pożizzjoni ta’ Harbinson. Madankollu fit-tweġiba tagħhom l-avukati Refalo, Gatt u Aquilina qalu li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma hux f’kuntatt ma’ Harbinson u għalhekk mhux f’pożizzjoni li jindika x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dan l-espert Irlandiż.
Meta tqabbad jaħdem fuq l-inkjesta Vitals, Harbinson kellu kunflitt ta’ interess għax ma ddikjarax li għal 18-il sena kien impjegat ma’ Price Waterhouse Coopers li kellhom irwol importanti fil-konċessjoni tal-isptarijiet u li iżda ftit li xejn jissemmew fl-inkjesta. Ftit tal-ġimgħat ilu imbagħad il-kumpanija tal-istess Harbinson, li tħallset il-€11-il miljun, ġiet iddikjarata bħala falluta.
Fil-ġimgħat li għaddew fil-Qorti ħarġu dubji serji ħafna dwar esperti oħra li ħadmu fuq l-inkjesta Vitals taħt id-direzzjoni ta’ Harbinson. Sar magħruf li espert ieħor Irlandiż, Sam Sittlington, kien tkeċċa mill-gvern Ingliż fuq każ serju ta’ kunflitt ta’ interess meta kien qed jaħdem għall-gvern tal-Guyana, waqt illi f’Malta fl-istess ħin illi kien qed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals ipprova jakkwista kuntratt mal-Korp tal-Pulizija ta’ madwar miljun ewro. Fl-istess ħin sar magħruf li esperta oħra, din id-darba s-Serba Miroslava Milenovic, li tqabbdet bħala accountant forensiku, la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant.
L-ewwel seduta li jmiss u li fiha jista’ jkollu jixhed Jeremy Harbinson hija skedata ghal nhar it-Tlieta quddiem il-Magistrat Rachel Montebello. L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet.