Sunday, November 24, 2024

L-UFO’S m’għadhomx sigriet

... Smigħ fil-Kungress Amerikan jagħti bidu għal aktar investigazzjonijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ngħixu f’galassja kbira. Il-midja għandha rwol importanti f’dan il-proċess li tirrapporta sew is-suġġett tal-UAPs u UFOs imma mhux biss. Il-midja għandha tinvestiga b’mod indipendenti dak kollu li ġara u qiegħed jiġri. Għamlu x-xogħol tagħkom sew u imxu max-xjenza”. Hekk talab il-Kungress Amerikan fi tmiem smigħ importanti u serju li sar f’nofs din il-ġimgħa dwar il-possibbiltà li l-Istati Uniti taf, imma taħbi u għandha fil-pussess tagħha vetturi intatti jew parzjali aljeni. 

Meta l-filmat tal-famuża “Tic Tac” kien sar pubbliku, dan kien ta bidu għal diklassifikazzjoni tal-UAPs (Unidentified Aerial Phenomena) jew UFOs (Unidentified Flying Objects) mill-Istati Uniti. Wara dan is-smigħ, l-akbar mistoqsijiet ta’ żmienna, jiġifieri jekk aħniex waħidna fl-univers, minn dak li ntqal minn tliet eks uffiċjali militari għolja Amerikani, il-UFOs issa, m’għadhomx sigriet.

Preċedentement konna rrapportajna l-intervista bombastika li kellu l-whistleblower David Grusch, l-eks militar u uffiċjal għoli li kien responsabbli minn programmi sigrieti governattivi tal-UAPs. Din id-darba, l-istess Grusch, flimkien ma’ żewġ eks uffiċjali oħra distinti, poġġew quddiem il-membri tal-Kungress Amerikan biex jgħidu tagħhom u… kellhom ħafna xi jgħidu!

Wieħed forsi ma jirrealizzax l-importanza ta’ smigħ bħal dan iżda minn mindu seħħ il-każ ta’ Roosevelt, aktar minn 70 sena ilu, l-eżistenza u l-preżenza tal-UFOs fid-dinja minn dejjem kienet miċħuda u saħanistra redikolata. B’dan is-smigħ, meta wieħed jisma’ d-dettalji li ħarġu, jagħraf li hemm ħafna ħabi, gideb u mossi estremi biex il-verità dwar il-UFOs tibqa’ mistura mill-pubbliku. 

Mistoqsija jekk inqatilx xi ħadd biex jinżamm is-sigriet…

L-għan prinċipali wara dan is-smigħ huwa li jsir magħruf x’jaf il-Gvern Amerikan dwar il-UAPs u jekk hemmx xi tip ta’ implikazzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali jew bżonn ta’ aktar trasparenza fuq is-suġġett.

B’riskju personali dawn it-tlett irġiel għal sagħtejn u nofs sħaħ irrispondew għall-mistoqsijiet dwar x’raw u x’jafu dwar il-preżenza ta’ aljeni u vetturi li setgħu ġġarrfu fuq il-pjaneta tagħna.  Is-suġġett tal-UAPs huwa tant sensittiv u sigriet li waħda mill-mistoqsijiet li saret mill-membri tal-Kungress hija jekk ‘xi ħadd inqatilx f’mossa mill-gvern biex iżomm sigrieta informazzjoni dwar il-UAPs u l-UFOs’. 

Li huwa inkwetanti hu li Grusch qal lil dan il-kumitat ’ma nistax nikkummenta’. Waqt is-smigħ dan l-eks militar irrisponda għal ħafna mistoqsijiet iżda kien hemm oħrajn li sostna li ma jistax jirrispondihom pubblikament. 

Il-fatt li ma rrispondhiex ‘le’, diġà juri li hemm ħafna affarijiet oħra li għad irridu nsiru nafu bihom u li dan huwa biss il-bidu ta’ dak kollu li l-gvern Amerikan wasal biex allegatament għamel basta jżomm għalih informazzjoni tant importanti għall-Istorja umana.

Dettalji interessanti…

Grusch barra li saħaq li l-Gvern Amerikan għandu fil-pussess tiegħu vetturi aljeni kemm sħaħ kif ukoll partijiet minnhom, insista li hemm aktar informazzjoni fir-rigward u din hija miżmuma “illegalment” mill-Kungress.

Xhud ieħor li kien uffiċċjal tal-qawwa militari Amerikana, David Fravor, spjega li fl-2004 huwa personalment kien ġera wara UFO. Dan seħħ waqt titjira li kellu fuq l-Oċean Paċifiku. Dan l-inċident kien inġibed fuq kamera installata fuq l-ajruplan u l-filmat kien imxandar minn New York Times fl-2017. Minn kif iddesriva l-vettura u l-manuvri strambi li bdiet tagħmel, il-Kmandant Fravor għamilha ċara li din it-Tic Tac ma kinitx magħmula f’din id-dinja jew mill-bniedem. 

Id-dettalji li ħarġu dwar dan is-smigħ huma interessanti ħafna fejn mhux biss ikkonfermaw preżenza ta’ vetturi aljeni, imma wkoll li l-istess preżenza hija ta’ spiss u fuq bażi regolari. Mistoqsija oħra li saret lil Grusch kienet jekk il-Gvern Amerikan huwiex f’kuntatt ma’ entitajiet extra terrestri. Għal din il-mistoqsija, dan il-whistleblower ukoll irrisponda li ma jistax jitkellem dwarha. Huwa qal li personalment qatt ma ra vettura aljena iżda 40 xhud li tkellem magħhom asssigurawh li l-Gvern tal-Istati Uniti għandu minnhom maħżuna.

Talba għal sistema ta’ rapportaġġ u protezzjoni għall-piloti

Filwaqt li l-Kungress Amerikan wiegħed li se jinvestiga l-UAPs, dawn it-tliet xhieda talbu li jkun hemm sistema ta’ rapportaġġ dwar inċidenti tal-UAPs kif ukoll protezzjoni għall-piloti jew whistleblowers li jitkellmu fuq każijiet ta’ UFOs. Min-naħa tagħhom il-membri tal-Kungress qalu li se jikkonsidraw tali programm.

Tajjeb li jingħad li Grusch waqt dan is-smigħ qal li l-maġġorparti tal-informazzjoni li għandu hija sigrieta iżda min-naħa tiegħu offra li b’mod kunfidenzjali jagħtiha lill-Kungress basta dan isir fi struttura sigrieta. Jekk dan iseħħ, il-leġislaturi Amerikani se jkollhom aktar saħħa biex jiftħu investigazzjoni xierqa fuq dan il-“misteru”.

Fi tmiem il-Kungress il-kumitat li ppresjeda qal li dan is-suġġett ta’ huwa interess kbir għall-membri u  li, “issa għandna aktar mistoqsijiet milli kellna fil-bidu ta’ dan is-smigħ iżda se naraw li jkun hemm liġijiet fir-rigward u li din l-informazzjoni u aktar, issir pubblika”. 

Sport