Bla dubju li waħda mill-aktar affarijiet li jinkwetaw lill-poplu kollu huwa l-kontroll tat-traffiku. Huwa stat ta’ fatt li f’pajjiżna minħabba ċ-ċirkostanzi li jinqalgħu fosthom inċidenti nesperjenzaw konġestjoni ta’ traffiku.
Matul l-aħħar snin, sar investiment qawwi biex twessgħu diversi toroq, saru flyovers u dan bil-għan li t-traffiku jimxi aħjar u jonqsu l-konġestjonijiet. Il-frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet qegħdin jinħassu.
Fl-aħħar jiem, assistejna għal każi partikolari fejn minħabba inċidenti tat-traffiku, parti mill-pajjiż waqfet. Dan iseħħ għaliex ikun hemm bżonn li jsiru l-investigazzjonijiet marbutin mal-inċident b’mod partikolari jekk ikun hemm l-imwiet. Nifhmu li xejn mhi faċli l-ħidma tal-awtoritajiet u tal-uffiċjali tagħha f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Waqt li jridu jikkontrollaw xorta t-traffiku, iridu jmexxu l-ħidma b’rabta mal-istess investigazzjonijiet.
Irridu nkunu realistiċi u nammettu li għalkemm meta jseħħu inċidenti ħadd ma jieħu gost bihom, dawn xorta waħda se jibqgħu jseħħu għaliex il-karozzi f’pajjiżna komplew jiżdiedu. L-inċidenti ma jseħħux biss minn żieda fil-karozzi fit-toroq imma jseħħu wkoll minħabba l-pressjoni u l-għaġġla li sfortunatament iddaħħlet fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Sfortunatament ikollna inċidenti li bi ftit ta’ attenzjoni nistgħu nevitawhom. Pereżempju nuqqas ta’ attenzjoni, persuni jitkellmu fuq il-mobile waqt li jkun qed isuqu, jew inkella headphones imqabbdin mal-mobile u jitkellmu wkoll waqt li qed isuqu.
Fid-dawl ta’ dan kollu, nemmnu li għandu jkun hemm iżjed attenzjoni mis-sewwieqa. Nemmnu wkoll f’aktar infurzar. Inqas inċidenti jfissru inqas telf ta’ ħin u inqas frustrazzjoni għas-sewwieqa li jinqabdu fil-konġestjonijiet.