Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) organizzat Konferenza biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara li jiġi ċċelebrat kull sena fit-8 ta’ Marzu. It-tema ta’ din is-sena, ‘L-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-era diġitali: Sfidi u soluzzjonijiet’, iffokat fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha t-trasformazzjoni diġitali mgħaġġla.

Fid-diskors tal-ftuħ, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, l-Onor. Rebecca Buttigieg, enfasizzat l-inizjattivi tal-Gvern immirati biex isaħħu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM). Aktar kmieni din is-sena, Xjenza Malta u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jsaħħu r-rwol tan-nisa fl-oqsma tal-iSTEAM. L-Onor. Buttigieg irreferiet ukoll għall-ewwel Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri f’Malta, imnedija fl-2022, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki u tindirizza s-segregazzjoni bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, inkluż fl-oqsma tal-ICT u tal-intraprenditorija. L-Onor. Buttigieg enfasizzat ukoll l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mgħammra b’ħiliet diġitali u b’kapaċità ta’ ħsieb kritiku, li huma essenzjali kemm għad-dinja futura tax-xogħol kif ukoll biex jinnavigaw fl-ispazji online b’mod responsabbli u sigur.
Fid-diskors tagħha, l-Onor. Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku, enfasizzat il-ħtieġa ta’ aktar ugwaljanza fl-era diġitali, b’attenzjoni partikolari għall-aċċess għat-teknoloġija, ir-rappreżentanza tan-nisa fis-settur tal-ICT, u l-kwistjoni tal-fastidju online. L-Onor. Attard Previ nnutat li n-nisa f’Malta għadhom jirrappreżentaw 14% biss tal-professjonisti fl-ICT, u b’hekk qed tippersisti disparità sinifikanti. Hija enfasizzat l-importanza ta’ edukazzjoni diġitali aħjar, politiki inklużivi fuq il-post tax-xogħol, u t-trawwim ta’ kultura ta’ rispett online. L-Onor. Attard Previ appellat ukoll għal futur diġitali tassew inklużiv fejn kulħadd jingħata opportunitajiet indaqs.
Il-Kummissarju tal-NCPE, is-Sa Renee Laiviera, saħqet li minkejja li l-proporzjon ta’ nisa f’Malta b’ħiliet diġitali ogħla mil-livell bażiku (37%) jaqbeż il-medja tal-UE (29%), il-qasma bejn il-ġeneri għadha evidenti fl-oqsma tal-iSTEAM, b’mod partikolari fl-ICT. Is-Sa Laiviera spjegat ukoll li d-diġitalizzazzjoni tħalli impatt fuq l-isfera soċjali, u semmiet iż-żieda fl-abbuż online, inkluż diskors ta’ mibegħda, fastidju u cyberbullying, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet. Sfidi bħal dawn mhux biss inaqqsu l-parteċipazzjoni fl-ispazju diġitali, iżda jqajmu wkoll tħassib usa’ dwar l-involviment demokratiku u l-ugwaljanza.
Il-Professur Vanessa Camilleri, mill-Fakultà tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, tat ħarsa ġenerali lejn id-distakk diġitali bejn in-nisa u l-irġiel f’Malta, fejn indirizzat kwistjonijiet bħall-aċċess għat-teknoloġiji diġitali, il-livelli ta’ ħiliet diġitali, il-parteċipazzjoni fis-settur tat-teknoloġija, kif ukoll l-impatt usa’ fuq l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-finanzi u l-involviment ċiviku.
Il-Professur Camilleri mexxiet ukoll panel ta’ diskussjoni dwar id-distakk diġitali bejn in-nisa u l-irġiel fil-post tax-xogħol. Il-membri tal-panel esploraw ir-rappreżentanza baxxa tan-nisa fis-setturi tat-teknoloġija, il-ħiliet meħtieġa għall-futur, strateġiji biex jiġu mħeġġa aktar nisa u bniet jidħlu f’karrieri diġitali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġiji emerġenti ma jsaħħux l-stereotipi tal-ġeneru.
It-tieni panel immexxi minn Dr André Callus, il-Maniġer tal-NCPE (Politika u Taħriġ), eżamina d-distakk diġitali fl-isfera soċjali. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika, l-irwol tal-content creators fit-tfassil tal-perċezzjonijiet tal-ġeneri, l-influwenza tal-pjattaformi diġitali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-importanza tal-edukazzjoni u l-litteriżmu tal-midja fit-tfassil ta’ kultura diġitali inklużiva.
Fir-rimarki tal-għeluq, is-Sa Laiviera rringrazzjat lill-parteċipanti u affermat mill-ġdid l-impenn tal-NCPE li tkompli taħdem fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Is-Sa Laiviera semmiet ukoll li bħas-snin preċedenti, l-NCPE se tikkunsidra l-kwistjonijiet li tqajmu u se tikkunsidrahom fix-xogħol tagħha fejn ikun possibbli.

