Petizzjoni li ċċirkolat mal-Ukrajna sabiex tintlaqa’ t-talba li jiġi llegalizzat iż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess kisbet biżżejjed firem sabiex il-President Ukren Volodymyr Zelensky ikun jista’ jikkonsidra din il-proposta.
Il-petizzjoni, li nbdiet fil-bidu ta’ Ġunju li għadda, ġiet iffirmata minn iktar minn 28,000 persuna. Dan ifisser li l-President Ukren irid jagħti tweġiba lill-poplu fi żmien għaxart ijiem.
Minkejja li l-omosesswalità mhix meqjusa bħala xi ħaġa illegali fl-Ukrajna, żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess jew unjoni ċivili mhumiex rikonoxxuti. Din is-sitwazzjoni ħolqot daqsxejn problemi għal dawk il-persuni LGBT li ssieħbu fil-militar biex jgħinu kontra l-invażjoni Russa. Dan għaliex skont il-liġi Ukrena, jekk ikun hemm koppja tal-istess sess u persuna minnhom tmut, il-persuna l-oħra ma tistax tmur għall-katavru tal-maħbub/a tagħha u lanqas titħalla tidfinha.
“Huwa importanti ferm li persuni LGBTQ jingħataw id-dritt li jaraw lill-maħbub/a tagħhom u jitħallew jieħdu l-katavru tagħhom mill-kamra mortwarja,” saħqet il-maniġer tal-komunikazzjonijiet tal-midja, Oksana Solonska, waqt il-Pride Parade li saret fi Kyiv. “Il-koppji kollha miżżewġin għandhom dawn id-drittijiet. Aħna nittamaw bis-sħiħ li ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess jiġi legalizzat sabiex nies LGBTQ ikunu jistgħu jieħdu ħsieb xulxin,” żiedet tgħid.
Il-Pride Parade fl-Ukrajna jidher li qed iżżid fil-popolarità hekk kif sas-sena l-oħra iktar minn 7,000 persuna ħadu sehem fil-marċ li sar fil-kapitali Ukrena.
Minn stħarriġ illi sar f’Mejju li għadda mill-Istitut Internazzjonali tas-Soċjoloġija ta’ Kyiv irriżulta illi matul dawn l-aħħar sitt snin, l-ammont ta’ nies li jħarsu lejn il-komunità LGBT b’lenti negattiva naqsu minn 60.4% għal 38.2%.