Il-militar Ukren qal li Kyiv sparat rokits ta’ distanza twila fuq il-forzi Russi li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ukrajna u bihom irnexxielhom ikissru mħażen tal-munizzjon.
Dan l-attakk seħħ ftit wara li Washington ipprovdiet lill-Ukrajna b’artillerija tat-tip HIMARS, u Kyiv qalet li l-forzi tagħha qegħdin jużaw dawn l-armi b’mod effiċjenti ħafna. Fi stqarrija li ħareġ il-militar Ukren, liema stqarrija ma setgħetx tiġi vverifikata b’mod indipendenti, f’dan l-attakk ir-Russi tilfu 52 suldat kif ukoll inqerdu numru ta’ vetturi armati u maħżen ta’ munizzjon. Min-naħa l-oħra, uffiċjali Russi allegaw li f’dan l-attakk tilfu ħajjithom nies ċivili.
Iż-żona fejn seħħ l-attakk hija waħda strateġika hekk kif din tagħti aċċess lejn il-Baħar l-Iswed u sa ftit ilu din kienet żona industrijali agrikola importanti ħafna.