Saturday, December 21, 2024

“L-Ukreni qed jiġġieldu biex jeħilsu lill-Ewropa mill-ispettru tat-totalitarjaniżmu”

Aqra wkoll

Fil-Jum Internazzjonali tal-Mara, l-awtriċi Ukrena Oksana Zabuzhko indirizzat lill-Parlament Ewropew dwar il-qagħda mwiegħra taċ-ċittadini tagħha li kienu qed jiġu attakkati mir-Russja.

Qabel id-diskors formali ta’ Oksana Zabuzhko fl-emiċiklu ta’ Strasburgu, il-President tal-PE Metsola ddikjarat: “F’dan il-jum, il-kelma ċelebrazzjoni mhix verament kelma li nistgħu nużaw. Fl-Ukraina, naraw li n-nisa qed jirreżistu u jieħdu l-armi kontra l-aggressur tagħhom. Huwa privileġġ li jkollna magħna mara u kittieba Ukrena li l-letteratura u l-vuċi qawwija tagħha jesibixxu s-saħħa tan-nisa Ukreni quddiem l-oppressjoni. Dawn in-nisa kuraġġużi u reżiljenti jservu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, peress li jiddefendu l-istess valuri Ewropej li għandna aħna.”

Is-Sinjura Zabuzhko, li telqet mill-Ukrajna ġimagħtejn ilu b’bagalja f’idejha biss, enfasizzat li hija kellha l-abitudni, bil-kitbiet tagħha, tagħti vuċi lin-nisa u tiġġieled għad-drittijiet tagħhom, iżda għall-ewwel darba issa, hija trid tiddefendi d-drittijiet tan-nisa għall-ħajja nnifisha. Hija żiedet tgħid: “Ma nistax biss nammira lin-nisa sħabi li qed jiġġieldu flimkien mal-irġiel tagħna, nimmaniġġja d-distribuzzjoni tal-provvisti madwar il-bliet assedjati tagħna u t-twellid f’shelters, taħt is-superviżjoni tat-tobba online. Il-problema hi li l-bombi ta’ Putin mhux se jitwaqqfu bis-saħħa tal-ispirtu tagħna.”

B’twissija tal-‘intenzjonijiet ta’ Putin, qalet: “Ħafna ħajjiet setgħu ġew salvati kieku l-UE u l-Istati Uniti kienu iżjed sodi tmien snin ilu meta invada l-Krimea. Hawn Hitler ġdid lest biex ikompli fejn dak ta’ qablu waqaf. Jien qiegħda hawn biex ngħidilkom, bħala kittieba li taf xi ħaġa dwar il-lingwa, li din hija diġà gwerra, mhux biss kunflitt lokali. Emmnuh lil Putin meta jiddikjara l-ambizzjonijiet tiegħu. Tibżgħux tipproteġu s-sema fuq dawk li qed jiġġieldu hemm biex jeħilsu lill-Ewropa minn dan l-ispettru ta’ totalitarjaniżmu ġdid.”

B’reazzjoni għad-diskors tagħha, ir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi faħħru l-kuraġġ tal-Ukreni kemm biex jiddefendu pajjiżhom kif ukoll il-valuri tal-UE. Huma enfasizzaw ukoll li, kif spiss huwa l-każ f’dawn iċ-ċirkostanzi, in-nisa u l-bniet huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli. Huma faħħru lin-nisa Russi u Belarussi li qed b’kuraġġ qed jiddimostraw fit-toroq kontra din il-gwerra.

Oksana Zabuzhko twieldet f’Lutsk (l-Ukraina) fl-1960. Il-ktieb il-ġdid tagħha “Fieldwork in Ukrainian Sex”,tradott f’sittax-il lingwa, ġabilha fama fix-xena letterarja internazzjonali fl-1996. Hija ppubblikat tmintax-il ktieb ieħor, inkluż il-ktieb ippremjat “The Museum of Abandoned Secrets” (2009). Hija wkoll figura pubblika ewlenija fl-Ukraina favur id-demokrazija.

Ekonomija

Sport