Saturday, November 23, 2024

L-ulied huma l-bastun tal-anzjani

Aqra wkoll

Stħarriġ mil-ġerentologu Anthony Agius Decelis jikkonferma li l-anzjani tagħna jinsabu tajbin minkejja l-isfidi quddiemhom fi żmien il-Coronavirus

Minn CARMEN CACHIA

Għal dawn l-aħħar ġimgħat l-anzjani f’pajjiżna ntalbu jibqgħu fi djarhom bħala prevenzjoni mill-Covid-19, il-virus qattiel li oriġina miċ-Ċina u żviluppa f’pandemija globali b’aktar minn tliet miljun infezzjoni, li l-aktar li tolqot huma proprju lill-persuni tat-terza età u lill-persuni vulnerabbli. Magħluqa fi djarhom, b’kuntatt minimu mad-dinja esterna, minn stħarriġ li għamel il-ġerentologu Anthony Agius Decelis, irriżulta li l-anzjani tagħna jinsabu tajjeb grazzi għas-sostenn kbir minn uliedhom, minn qraba u anke mill-ġirien. Min-naħa l-oħra l-akbar weġgħa hija dik li ħafna minnhom mhumiex jaraw lin-neputijiet ċkejknin tagħhom li tant iħobbu.

Grazzi għall-miżuri meħuda f’pajjiżna t-tixrid tal-Coronavirus huwa kkontrollat u n-numru tal-vittmi huwa ta’ erbgħa, li jsarraf f’perċentwal ta’ 0.5% tal-każi. Iżda l-isfida ta’ din il-marda ġdida li għaliha m’għadx għandna kura jew tilqima, m’hiex biss il-marda nnfisha, iżda l-konsegwenzi li ġġib magħha theddida bħal din fosthom li nibqgħu niffunzjonaw tajjeb, li nżommu moral għoli u li nibqgħu nħossuna tajbin minkejja li ninsabu f’sitwazzjoni bħal din. 

Fl-istħarriġ minn Agius Decelis ħadu sehem total ta’ 1,154 anzjani li minnhom 693 għandhom bejn 65 u 75 sena, mentri 461 għandhom aktar minn 75 sena. L-anzjani tagħna, minkejja l-miżuri meħuda fil-perjodu tal-Coronavirus, qegħdin ikomplu bil-ħajja tagħhom pjuttost bl-istess ritmu li kienu fih qabel fejn bejn xi programmi tat-televiżjoni, xogħol fid-dar, tisjir u aġġornamenti fuq ir-radju, il-ħin tal-ġurnata jgħaddi b’wiċċ il-ġid u dan sakemm fl-aħħar, jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid u l-ħajja terġa’ tiġi għan-normal bin-neputijiet jiġru ma’ saqajhom.

“Ħaġa interessanti hija li ħadd ma qalli li għandu bżonn l-għajnuna għax kulħadd sab lil min jagħtih daqqa t’id. L-aktar element li jispikka minn dan l-istħarriġ huwa dak kemm il-qraba, b’mod speċjali l-ulied, huma kruċjali f’ħajjet l-anzjani tagħna. Grazzi għall-fatt li l-ulied qegħdin jgħinu lill-ġenituri tagħhom li huma kbar fl-età, is-sitwazzjoni tal-anzjani hija waħda tajba tant li ħajjithom ma tidhirx li ntlaqtgħet daqstant għajr għall-fatt li ma jistgħux jaraw lin-neputijiet, xi għeżież fl-isptar u li f’xi każi hemm bżonn li l-helpers jerġgħu jibdew imorru jnaddfulhom wara li dan is-servizz ġie sospiż minħabba l-virus,” spjega Agius Decelis. 

Kull qalb trid oħra…

L-istħarriġ fost l-anzjani fil-perjodu tal-Coronavirus juri li l-kultura tagħna hija waħda b’element qawwi ta’ familja u anke kif bħala soċjetà nħobbu u dejjem lesti biex ngħinu lil xulxin meta jkun hemm il-bżonn. Il-kollaborazzjoni bejn il-koppji anzjani nfushom, l-ulied iddedikati lejn il-ġenituri tagħhom kbar fl-età, kif ukoll qraba oħra u anke l-ġirien, qegħdin jagħtu daqqa t’id lil dawk vulnerabbli bil-mod li jistgħu. 

Mistoqsija kif iħossuhom bħalissa, il-maġġoranza assoluta fost dawk taħt is-75 sena (80%) qalu li jħossuhom tajbin, mentri 11% iħossuhom tajbin ħafna. Kienu biss 9% minn din il-faxxa tal-anzjani li stqarru li għaddejjin kif jistgħu. L-anzjani li għandhom aktar minn 75 sena, 12% minnhom irrispondew li sejrin tajjeb ħafna, 83% tajjeb u 5% għaddejjin.

60% tal-koppji li għandhom inqas minn 75 sena qalu li jgħinu lil xulxin fid-dar, mentri 35% tagħhom qalu li jgħinuhom it-tfal, 3% qraba oħra u 2% il-ġirien. L-anzjani akbar minn 75 sena l-aktar li jgħinuhom huma t-tfal b’total ta’ 73% minnhom jikkonfermaw dan, mentri 20% qal li jgħinu lil xulxin bħala koppja, 6% oħra l-qraba u 1% l-ġirien.

Dawn l-anzjani għandhom bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum u rriżulta li l-akbar persentaġġ (60%) huma t-tfal li qegħdin jixtrulhom kollox. 7% qalu li l-grocer jeħdilhom l-affarijiet fid-dar u 1% iġibuhomlhom il-ġirien. Kienu 32% minnhom li baqgħu joħorġu b’ħarba għall-affarijiet li jkollhom bżonn. 

Għal dawk aktar avvanzati fl-età, jiġifieri persuni ta’ ‘l fuq minn 75 sena, il-persentaġġ ta’ wlied li jieħdu l-essenzjali lill-ġenituri tagħhom huwa ta’ 80%, mentri 7% biss qegħdin joħorġu huma stess biex jixtru. 9% oħra qalu li jeħdulhom l-affarijiet il-qraba, 2% il-ġirien u 2% oħra tal-grocer.

Il-ħajja tkompli…

Il-moviment tal-anzjani huwa pjuttost limitat f’dan l-istadju ta’ ħajjithom għalhekk il-miżura li joqogħdu d-dar għal ħafna minnhom mhix xi ħaġa li affettwathom ħafna u dan b’mod speċjali dawk li qabżu l-75 sena. 

Minn stħarriġ jirriżulta li l-anzjani tagħna jinsabu tajjeb grazzi għas-sostenn kbir minn uliedhom, minn qraba u anke mill-ġirien

Dawn l-anzjani li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li l-ħin tagħhom qegħdin iqattgħuh billi jagħmlu xogħol fid-dar li jkunu ilhom biex jagħmlu (15%). 11% tal-anzjani bejn il-65 sena u l-75 sena qalu li qegħdin igawdu l-ġnien u/jew xi annimal domestiku li għandhom iżommilhom kumpanija. Mhix sorpriża li l-maġġoranza, 60%, qalu li qegħdin jiddedikaw il-ħin isajru xi ħaġa speċjali għax bħala nazzjon verament inħobbu t-tisjir. 12% tal-anzjani qalu li jkunu jew fuq l-internet u l-kompjuter jew inkella jaraw xi programmi fuq it-televiżjoni, mentri kienu 2% biss li qalu li joqogħdu jaqraw. 

Popolari ferm mal-anzjani li għandhom aktar minn 75 sena huwa r-radju li jżommilhom ħafna kumpanija u anke jżommhom aġġornati ma’ dak li qiegħed jiġri barra. 10% qalu li jagħmlu xogħol fid-dar, mentri 20% jħossu li għalihom din is-sitwazzjoni ma bidlitilhom xejn f’ħajjithom b’mod drastiku tant li baqgħu jagħmlu l-istess affarijiet.

Iebsa ma tarax lill-għeżież

Piena pjuttost mistennija li għandhom dawn l-anzjani fiż-żmien il-Covid-19 hija dik li ma jarawx lill-għeżież tagħhom u fil-fatt dan l-istħarriġ juri kemm l-anzjani qegħdin iħossu n-nuqqas tal-ikla familjari tradizzjonali ta’ kull nhar ta’ ħadd u l-fatt li ma jistgħux jaraw u jgħanqu lin-neputijiet tagħhom.

L-anzjani ta’ bejn il-65 sena u l-75 sena qalu li jixtiequ jerġgħu jibdew imorru għall-mixja ta’ filgħodu kif ukoll għall-attivitajiet soċjali li kellhom qabel. Huma stqarru li qegħdin iħossu ħafna n-nuqqas tan-neputijiet u t-tfal. 

Persentaġġ minnhom ilmentaw li għandhom bżonn terġa’ tibda tiġi l-cleaner tal-“Home Help” minħabba li l-ħmieġ issa tiela’. Hawnhekk Aguis Decelis issuġġerixxa li l-għajnuna fit-tindif fid-djar tal-anzjani tista’ forsi terġa’ tibda billi fil-ħin li l-cleaner tmur id-dar tagħhom, l-anzjani jmorru f’kamra għalihom u wara jbiddlu skont il-ħtieġa. Dan minħabba li hemm anzjani li ma jifilħux għall-iskariġġ tat-tindif domestiku.

Il-familja hija l-bażi tas-soċjetà Maltija u f’ċirkostanzi bħal dawn, dan l-element jispikka aktar

Anthony Agius Decelis

Il-parteċipanti aktar avvanzati fl-età tkellmu wkoll dwar id-diffikultajiet li għandhom f’sitwazzjonijiet fejn għandhom persuni li jħobbu li qegħdin imutu u ma jistgħux imorru jarawhom, kif ukoll dawk l-għeżież fid-djar tal-anzjani fl-aħħar ftit żmien ta’ ħajjithom se jibqgħu mifrudin minħabba dan il-virus.

Żewġ anzjani jitkellmu magħna

Tkellimna ma’ żewġ anzjani oħra, waħda minn Għawdex u oħra minn Nofsinhar ta’ Malta fejn staqsejnihom l-istess mistoqsijiet li saru f’dan l-istħarriġ li kkonċentra l-aktar fir-reġjun ċentrali ta’ Malta. 

L-anzjana minn Għawdex, li għandha 82 sena, ikkonfermat li ħajjitha ma tantx inbidlet għax kienet imdorrija toqgħod ġewwa, mentri l-oħra, minkejja l-età avvanzata tagħha u l-viżta t’għajnejha m’għadhiex tajba, kienet tħobb toħroġ ħafna u għalhekk din is-sitwazzjoni affettwata mhux ħażin. Hija qalet li fil-fatt il-qraba tagħha tant iddispjaċihom għaliha li xi kultant baqgħu xorta waħda joħorġuha dawra ta’ malajr bil-karozza. 

Problema li wkoll laqtgħet li dawn iż-żewġ anzjani hija dik li waqfu ċerti servizzi ta’ għajnuna fid-djar iżda l-bqija jħossu li m’għandhomx bżonn ta’ aktar għajnuna. Huma wkoll, kif irriżulta fl-istħarriġ minn Agius Decelis, qegħdin iqattgħu l-ħin tagħhom billi jagħmlu xi xogħol fid-dar, isajru u jsegwu l-programmi fuq it-televiżjoni b’xi waqfa qasira biex jittawlu ftit barra. 

Iż-żewġ anzjani wkoll huma moqdija tajjeb minn uliedhom u xi kultant anke tal-grocer inewlilhom dak li jkollhom bżonn. Min-naħa l-oħra, huma qalulna li għadhom kemm saru bużnanniet iżda sfortuntament, kif ġew l-affarijiet bil-Covid-19, ma jistgħux igawdu t-tarbija ġdida li twieldet fil-familja tagħhom.

Sport