Wednesday, April 24, 2024

“L-ulied m’għandhomx ikunu ballun f’riġlejn il-ġenituri” – L-Arċisqof

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ltaqa’ ma’ persuni li għaddejjin minn separazzjoni fiż-żwieġ u li bħalissa qed jattendu gruppi ta’ sapport immexxija minn Caritas Malta, kif ukoll fil-parroċċi tal-Mosta u Ħal Tarxien.

Waqt il-laqgħa, l-Arċisqof sema’ d-diversi esperjenzi ta’ dawk li għaddew jew għaddejjin mis-separazzjoni u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom f’dan il-mument ta’ ħajjithom. Huma wrew apprezzament lejn il-Knisja li taħdem mill-qrib mal-persuni separati u li fil-parroċċi hemm għadd ta’ saċerdoti li huma sensittivi għal dawk li għaddejjin mis-separazzjoni. Intqal ukoll li nies qrib il-Knisja għandhom ikollhom iktar kliem ta’ wens u ssuġġerew li l-Knisja għandha jkollha iktar diretturi spiritwali f’dan il-qasam.

L-Arċisqof tkellem dwar l-impenn tal-Knisja f’Malta sabiex tifhem aħjar u timxi ma’ dawn il-persuni, u insista fuq l-importanza tal-ħniena, li hija l-ogħla forma ta’ ġustizzja. 

Qal ukoll li “l-ulied m’għandhomx ikunu ballun f’riġlejn il-ġenituri” u jbatu l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet, kultant pikużi, bejn il-ġenituri.

Għal din il-laqgħa, li saret fil-Caritas Community Centre fil-Ħamrun, attendew ukoll Dun Marco Portelli, kordinatur tal-ħidma pastorali mal-persuni separati, Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, u staff u saċerdoti li huma viċin persuni separati.

Sport