Thursday, November 13, 2025

‘L-umiltà u l-perseverenza huma żewġ aspetti importanti fil-futbol’ – Lee Pisani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn mindu kont żgħir dejjem kelli dik il-ġibda lejn il-logħba tal-futbol u ma kelli ebda interess lejn sports ieħor. Jien bdejt nilgħab mal-Pietà Hotspurs meta kelli biss seba’ snin. Dak iż-żmien in-nursery tal-Pietà kienet magħrufa bħala waħda mill-aqwa nurseries f’Malta, kif għadha llum, u missieri kien issuġġerieli ningħaqad magħhom.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Sliema Wanderers.

Kif għalaqt 12-il sena ngħaqadt ma’ Sliema Wanderers. L-esperjenza tiegħi ma’ Sliema kienet waħda pożittiva ħafna, fejn ħdimt ma’ diversi coaches tajbin. Fosthom kien hemm Jonathan Holland, Alan Friggieri u kif ukoll Ivan Woods, li tgħallimt ħafna minnhom. Minn dejjem kellna tim b’saħħtu. Fl-istaġun 2016/2017 konna rbaħna n-Knockout u ġejna t-tieni fil-kampjonat. L-istaġun ta’ wara konna erġajna tlajna fil-finali tan-Knockout, iżda konna tlifnieha. L-aħħar sentejn minors kont nitħarreġ ukoll mat-tim tal-kbar, li dak iż-żmien kien immexxi mill-coach John Buttigieg, fejn komplejt nimmatura aktar fil-logħba tiegħi. 

U dik preżenti ma’ Fgura United.

Ingħaqadt ma’ Fgura United fl-istaġun 2021/2022. Dak iż-żmien il-klabb tal-Fgura kien għadu ma stabbilixxiex ruħu fiċ-Challenge League, iżda llum nistgħu ngħidu li huwa klabb stabbilit f’dan il-kampjonat. Fl-istaġun 2021/2022 ġejna l-ħames post mill-grupp tagħna, filwaqt li ż-żewġ staġuni ta’ wara bdejna b’saħħitna ħafna, iżda meta nqasam m’għamilnihiex mal-ewwel sitt timijiet għal punt. 

L-esperjenza tiegħi ma’ dan il-klabb hija waħda memorabbli. F’dan il-klabb hawn armonija sabiħa ħafna fejn kont milqugħ mill-bidu nett. Il-coaching staff, players, kumitat u anke l-partitarji joħolqu atmosfera ta’ pożittività u għaqda. Żgur li l-memorji li ħloqna u għadna qegħdin noħolqu flimkien, se nibqa’ ngħożżhom tul ħajti kollha.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

L-istaġun bdejnieh fuq nota pożittiva. Nemmen li dan hu frott il-ħidma tajba li saret qabel u matul l-istaġun. Fl-istess ħin nafu li rridu nkomplu nibnu fuq dak li bdejna u ntejbu fejn hemm bżonn sabiex nibqgħu konsistenti. Il-kampjonat huwa twil u m’hemm l-ebda logħba faċli.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-għan prinċipali tagħna huwa li nagħmluha mal-ewwel tmienja, hekk kif fl-aħħar tliet snin ma rnexxilniex nagħmluha għal punt. Ovvjament bħal kull tim ambizzjuż, jekk dan l-għan jintlaħaq, se nagħmlu ħilitna sabiex inkunu fil-ġlieda għall-promozzjoni. Il-kampjonat huwa iebes, b’ħafna timijiet b’saħħithom, għaldaqstant irridu nibqgħu mentalment b’saħħitna tul l-istaġun kollu.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kevin Vella?

Inħossni xxurtjajt li fil-karriera tiegħi kont taħt diversi kowċis tajbin. Kowċ Kevin Vella huwa wieħed mill-aktar kowċis professjonali u dedikati li ħdimt magħhom. Għandu għarfien profond tal-logħba u kapaċi jgħin lill-players jilħqu l-potenzjal tagħhom. Barra minn hekk, jaf kif jimmotiva lit-tim, iżomm lil kulħadd umli meta nkunu għaddejjin minn fażi tajba u jgħinna nżommu l-moral għoli meta nkunu għaddejjin minn fażi diffiċli. Kowċ Kevin għeni nkompli nikber bħala player u ħalla impatt pożittiv fuqi.

U fuq il-president Larkin Bonnici?

Il-president Larkin Bonnici għamel u għadu qed jagħmel kambjamenti kbar fi ħdan il-klabb. Qiegħed jintegra b’mod tajjeb ħafna l-futbol mal-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjali. Nemmen li din hija xi ħaġa li aktar klabbs għandhom jagħmlu wkoll. Dan juri li l-Fgura mhuwiex sempliċiment klabb tal-futbol, iżda huwa oltre minn hekk.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-futbol Malti żdied meta mqabbel ma’ ftit snin ilu. Ċerti barranin li ġew jilagħbu Malta għollew il-livell, però tajjeb ngħidu li dan mhux dejjem ikun il-każ. Minħabba li n-numru ta’ barranin fil-Premier League żdied, saret aktar iebsa għall-players Maltin biex jilagħbu. Dan qed iwassal biex ħafna players Maltin qegħdin jinżlu fiċ-Challenge League u għaldaqstant il-livell għola u l-kampjonat sar aktar kompetittiv. Anke fl-Amateur League qed ikun hemm klabbs bi proġetti u ambizzjonijiet interessanti li qegħdin jiġbdu players ta’ livell għoli.

U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-faċilitajiet tal-Fgura huma miżmuma tajjeb ħafna. It-turf m’ilux wisq li nbidel, b’equipment u anke lasti ġodda. Kollox jinżamm b’mod organizzat u nadif. Bħala player tieħu gost titħarreġ f’ambjent bħal dan.

Iż-żewġ grawnds fejn jintlagħbu l-logħob kompetittivi huma ta’ kwalità tajba. Dal-istaġun inbidlu t-turf u t-tabellun tal-Victor Tedesco, fejn ġie aktar adekwat għal-logħob kompetittiv. Xi ħaġa li ma togħġobnix hija l-fatt li ma jkunx hemm ambulanza għal-logħob taċ-Challenge League u tal-Amateur League.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa qiegħed niffoka fuq dan l-istaġun u għalissa għadni ma nafx x’inhu l-pass li jmiss. Kif jintemm l-istaġun nara x’opportunitajiet ikolli u nimxi minn hemm. Li huwa żgur hu li ‘l quddiem nixtieq li nerġa’ nirritorna u nikkompeti fl-għola diviżjoni ta’ Malta. Biss, nimxi ġurnata b’ġurnata billi nkompli naħdem, nitgħallem u nagħmel l-almu tiegħi sabiex ngħin lill-klabb jilħaq l-miri tiegħu u kif ukoll dawk personali tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol kif ukoll lill-partitarji kollha ta’ Fgura United FC.

Għal dawk li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol, ngħidilhom li l-umiltà u l-perseverenza huma żewġ aspetti importanti fil-futbol. Tajjeb li wieħed iżomm saqajh mal-art meta jkun għaddej minn perjodu tajjeb, min-naħa l-oħra m’għandu qatt jaqta’ qalbu jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb. Xi ħaġa oħra li nixtieq ngħid kemm lill-plejers u anke lill-ġenituri, huwa li wieħed m’għandux jagħżel bejn l-isports u l-edukazzjoni. Jien komplejt bl-istudji tiegħi bħala għalliem filwaqt li komplejt bil-karriera tal-futbol ukoll. Biss, biex dan ikun possibbli wieħed għandu jippjana ħinu sewwa u jżomm bilanċ tajjeb. 

Lill-partitarji tagħna nirringrazzjahom talli baqgħu warajna anke meta konna għaddejjin minn perjodu diffiċli. Baqgħu jitilgħu l-grawnd u jagħtuna s-sapport tagħhom kull logħba. Żgur li mingħajr il-partitarji l-atmosfera tkun ferm differenti. Huma t-tnax il-player tagħna u nħeġġiġhom ikomplu jsemmgħu leħinhom sabiex flimkien nilħqu t-tragwardi tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport