Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol żgur li bdiet grazzi għal missieri, jekk niftakar sew l-ewwel rigal tiegħi kien ballun haha li lgħabt minn mindu kelli 5 snin, għall-ewwel ħadtu bħala logħba kont nagħmilha biss għall-gost, imbagħad meta kbirt indunajt li hija xogħol li trid tittieħed b’responsabbiltà!! Il-verità hi li l-futbol huwa ħajti u nirringrazzja lil missieri għalih.
Kif ġejt tilgħab f’Malta mill-Brażil?
Ġejt nilgħab f’Malta mill-Arġentina permezz ta’ ħija, Mateo Bustos. Hu lagħab ma’ Naxxar Lions FC, imbagħad irranġali biex immure bi prova ma’ Sirens FC fl-2018, f’liema sena sirna Champions tal-Ewwel Diviżjoni u ġejna promossi għall-Malta Premier … kienet tassew sena mill-aqwa!
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ diversi klabbs f’Malta.
Il-verità hi li kull sena kienet differenti, kull klabb għandu l-ħaġa partikolari tiegħu. Kelli esperjenzi tajbin – waħda mill-aqwa esperjenzi li għext kienet li nilgħab kontra CSKA Sofia fil-Bulgarija mas-Sirens fil-UEFA Europa Conference League. Is-sena ma’ Qala Sanits kienet tajba, kellna tim mill-aqwa, u dan deher fl-ewwel logħbiet ta’ ħbiberija li kellna qabel ma bdejna l-istaġun, u dan kien rifless matul il-kampjonat sħiħ, li finalment irbaħna.
U dik ma’ Qala Saints FC f’Għawdex, fejn irbaħt ukoll il-Kampjonat.
X’tikkummenta dwar l-eks kowċ tiegħek ma’ Qala Saints FC, Shaun Bajada?
Dwar il-kowċ Shaun Bajada irrid ngħid li huwa kowċ tajjeb anke żgħir peress li dan l-aħħar irtira mill-karriera tiegħu, jien ċert li hekk kif jgħaddu s-snin se jikseb l-esperjenza se jkun kowċ mill-aqwa!
Kemm hu differenti l-futbol Għawdxi minn dak Malti?
Il-Gozo League huwa wieħed kompetittiv ħafna u qed issir dejjem aktar diffiċli biex tilgħab dak li huwa avvanz kbir. Nista’ ngħid li d-differenza mal-Malta Premier hija n-numru ta’ plejers barranin li jilagħbu fih. Hemm ħafna talent żagħżugħ fil-Gozo League u fi ftit snin nittama li jsir kompetittiv bħall-Malta Premier.
Xi tgħidli dwar ir-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom f’Għawdex?
Il-grawnds fejn nitħarrġu huma tajbin. Hemm kollox bħal f’Malta, xi wħud tajbin u oħrajn xi ftit antiki, l-aqwa ħaġa dwar il-Gozo League hija li nilagħbu fi Stadium sabiħ b’ħaxix naturali.
Kif qed tara l-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ fil-futur?
Ma nafx x’se jiġri fil-futur, l-unika ħaġa li qed naħseb dwarha issa hija fil-preżent ma’ Xewkja Tigers FC fosthom fir-rebħ tat-titli u b’hekk inkun nista’ nkompli l-karriera tiegħi bl-aħjar mod possibbli! Il-verità hi li nixtieq inkun kowċ. Fil-fatt fil-klabbs li nilgħab fihom dejjem kont kowċ man-nursery, u issa naraw x’hemm lest għalija fil-futur!
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jkollhom karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Mill-perspettiva tiegħi, biex tirnexxi fil-futbol trid ħafna dixxiplina, sforz u xogħol iebes u qatt ma taqta’ qalbek … dak hu l-uniku mod kif tirnexxi!