Friday, June 13, 2025

‘L-uniku dispjaċir tiegħi dwar iċ-ċikliżmu huwa li ma bdejtux qabel’ – Diana Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt iċ-ċikliżmu fost tant sports ieħor?

Kont plejer tal-basketball għal 20 sena u mbagħad waqaft nilgħab ta’ 29 sena. Kelli tifla u ladarba għalqet it-tliet snin iddeċidejt li nixtri mountain bike fl-2019 biex nerġa’ nieħu l-forma u nibda xi forma ta’ taħriġ. Malajr sirt inħobb ir-rota u fi żmien sentejn, iċ-ċikliżmu nbidel minn passatemp għall-isport tiegħi.

Ħa mmur mal-ewwel għall-unt. X’tikkummenta fuq il-parteċipazzjoni tiegħek u ta’ Team Malta fiċ-Ċikliżmu waqt l-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra?

Rigward il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra kienet esperjenza daqsxejn ta’ diżappunt. Aħhna, f’pajjiżna, imdorrijin nikkompetu ma’ dilettanti bħalna imma kien hemm ħafna ċiklisti professjonali bit-tip ta’ timijiet li jieħdu sehem f’tiġrijiet bħat-Tour de France eċċ. hemmhekk. Anke jekk it-tim kellu ċiklista professjonali waħda biss, dan tahom vantaġġ kbir għax kienet tispiċċa ftit minuti qabel sħabha fit-tim, li meta jingħaddu flimkien jagħmlu d-differenza kollha (l-aqwa tliet ħinijiet ta’ kull tim huma dak li jgħoddu għall-midalja tat-tim). Sfortunatament ma kellna lil ħadd ta’ dak il-livell fit-tim tagħna.

Indipendentament minn hekk, int irbaħt diversi unuri fiċ-ċikliżmu. Agħtina iktar dettalji.

Iva, fost oħrajn, irbaħt il-Maratona tal-Etna Gran Fondo darbtejn u din is-sena rbaħt il-Kampjonat Nazzjonali tal-Malta Mountain Bike Association u l-ewwel żewġ tiġrijiet tal-Kampjonat Nazzjonali tar-‘road bike’. (l-aħħar tellieqa fid-29).

Xi ngħidu dwar is-sigurtà fit-toroq Maltin? Ħafna jilmentaw li m’hemmx biżżejjed sigurtà fit-toroq għalikom iċ-ċiklisti. Il-kummenti tiegħek.

Meta nitħarrġu nippruvaw nersqu bir-rota fit-toroq aktar kwieti fejn ikun aktar sigur. Madankollu, meta jivvjaġġaw jew sempliċiment jaslu lejn u mid-dar, iċ-ċiklisti jeħtieġ li jgħaddu minn toroq aktar traffikużi u huwa meta l-aktar wieħed jinnota n-nuqqas ta’ ppjanar għaċ-ċiklisti fit-toroq tagħna. Bilkemm l-ebda triq għandha bike lanes u l-bike lanes li jeżistu xorta waħda huma inutli għax huma mifruxa bil-ħġieġ u biċċiet żgħar tal-metall. Qabel bdejt iċ-ċikliżmu ma stajtx nifhem għaliex iċ-ċiklisti kienu jsuqu barra mill-karreġġjata tar-roti imma issa żgur li nifhem! Sfortunatament il-mentalità ta’ ħafna sewwieqa hija li ċ-ċiklisti huma ta’ inkonvenjent u ma juru l-ebda rispett lejna. Din insibha stramba bħallikieku aktar nies kellhom jibdlu l-karozzi tagħhom ma’ roti jkun hemm inqas traffiku fit-toroq.

Finanzjarjament, x’jinvolvi fix-xiri ta’ rota professjonali?

Ix-xiri ta’ rota huwa simili għax-xiri ta’ karozza. Tista’ tonfoq kullimkien bejn 500 Ewro u 15,000 Ewro! Liema rota tixtri tiddependi ħafna fuq x’tip ta’ ċikliżmu tagħmel, jekk tippjana li tiġri eċċ. M’għandekx bżonn tonfoq ammont ta’ flus biex tkun kompetittiv peressli fl-aħħar mill-aħħar hija aktar dwar is-saħħa taċ-ċiklist aktar milli ir-rota tiegħu/tagħha!

Tara li hemm biżżejjed żgħażagħ li qed jaspiraw li jieħdu ċ-ċikliżmu bis-serjetà madwar id-dinja?

Iċ-ċikliżmu huwa sport popolari ħafna, anke fost iż-żgħażagħ. Madankollu d-dominanza maskili fl-isport hija diżappuntanti, speċjalment f’Malta. Ikun sabiħ li naraw aktar nisa jinteressaw ruħhom fl-isport fuq livell kompetittiv f’pajjiżna.

Veru li ċ-ċikliżmu huwa sport individwali?

Iċ-ċikliżmu huwa attività soċjali kbira fejn gruppi ta’ ħbieb isuqu flimkien. Meta nitħarrġu hekk nagħmluh bħala tim ukoll u għalhekk iċ-ċikliżmu huwa mod tajjeb ħafna biex insiru nafu nies ġodda u nagħmlu ħbieb. Fir-rigward tat-tlielaq, filwaqt li ċ-ċikliżmu fil-muntanji huwa sport individwali, iċ-ċikliżmu fit-toroq mhuwiex. Iċ-ċiklisti jaħdmu għal xulxin.

Għandek xi idoli kemm fil-ħajja in ġenerali kif ukoll fix-xena sportiva?

Fiċ-ċikliżmu l-idoli tiegħi huma ċiklisti nisa magħrufa sew bħal Pauline Ferrand-Prevot u Annemiek van Vleuten. B’mod ġenerali għandi rispett kbir lejn in-nies, ikunu min ikunu, li jaħdmu b’mod attiv biex id-dinja ssir post aħjar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, il-kura tal-oħrajn eċċ.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/jew iż-żgħażagħ li huma lesti li jibdew jieħdu ċ-ċikliżmu bis-serjetà f’ħajjithom.

M’għandekx bżonn ħafna flus biex tixtri rota u sakemm tinżel mit-toroq prinċipali huwa sport pjuttost sigur (sakemm dejjem tilbes elmu!). Permezz taċ-ċikliżmu għamilt ħafna ħbieb ma’ nies li jaħsbuha l-istess li jgawdu l-isport u l-beraħ. L-uniku dispjaċir tiegħi dwar iċ-ċikliżmu huwa li ma bdejtux qabel!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport