Minn Cristian Muscat
Minn mindu twaqqaf il-klabb fl-2012, bħala Swieqi Phoenix Volleyball Club irbaħtu 35 titlu nazzjonali. Spjegali ftit x’inhi l-filosofija wara dan is-suċċess.
Il-klabb beda l-avventura tiegħu fil-volleyball kif għidt inti, 13-il sena ilu, meta kienet twaqqfet in-nursery bi ftit tfal. Kemm jien kif ukoll il-President tal-klabb, Orlando Bonnici, naħsbuha bl-istess mod fuq ħafna affarijiet, fosthom li t-tfal u n-nursery huma l-bażi tas-suċċess fl-isport. Tul dawn l-aħħar snin kellna suċċess konsiderevoli fil-qasam tas-seniors, fejn irbaħna s-Superleague tlett darbiet fl-aħħar erba’ snin, u s-Supercup għal erba’ snin infila. Madankollu, il-fok tagħna dejjem baqa’ li nsostnu u nsaħħu n-nursery. Dan għaliex it-tfal huma il-pern ta’ dan il-proġett, u għaliex nursery b’saħħitha jrendi ix-xogħol tagħna – u l-futur tal-klabb – aktar sostenibbli. B’mod konsistenti, qed inrawwmu il-plejers li fil-futur ser jilgħabu, jew diġa’ qegħdin jilgħabu, mat-tim tal-kbar.
Kif tħares lejn il-kowċing bħala professjoni?
Il-kowċing, anka jekk isir b’mod voluntarju bħal ma huwa fil-każ tiegħi u ħafna kollegi fil-volleyball, aktar minn professjoni, huwa vokazzjoni. Apparti li jinvolvi li tibqa’ aġġornat fuq aspetti tekniċi u tattiċi tal-isport, u li timplimentahom bl-aħjar mod possibbli, il-bażi ta’ kollox jibqa’ l-plejer individwali. Kull min jikkowċja lit-tfal u ż-żagħżagh jaf illi ix-xogħol f’dal qasam jibqa’ għaddej ‘il hinn mit-training sessions, speċjalment fejn tidħol l-interazzjoni regolari mal-plejer u l-genituri.
Fil-fatt, naħseb li l-unika mod kif tista’ tibni għall-futur huwa li tkun ‘development coach’, jiġifieri li wieħed iħares lejn l-iżvilupp tal-plejer b’mod ħolistiku, inkluż l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u emozzjonali tal-individwu. Dan ifisser li jrid isir ħafna xogħol fuq issues ta’ ‘self esteem’, ‘mental resilience’ u l-interazzjoni personali fi ħdan l-ambjent ta’tim. Naħseb li kull kowċ għandu jagħmel sforz sabiex isir jaf tajjeb lil kull plejer li jikkowċja. Mingħajr dan it-tip ta’ approċċ, ir-relazzjoni bejn kowċ u plejer tibqa’ waħda superfiċċjali, u bla bażi soda għall-futur.
X’inhuma l-prioritajiet tiegħek bħala kowċ?
Flimkien ma’ bazi teknika soda, nisħaq ħafna li plejers tfal u żgħażagħ għandhom jifmhu sew il-kuntest tattiku ta’ dak li qegħdin jitgħallmu. Dan jgħinhom sabiex jiżviluppaw aktar malajr u jrawmu sens tattitku individwali u bħala grupp. Jien nemmen ukoll li kull plejer għandha d-dover li tkompli tiżviluppa l-logħba tagħha, inkluż il-ħiliet tekniċi, anke jekk ila tilgħab fl-għola livelli. Fuq kollox, il-plejers adulti li jingħaqdu magħna għandhom l-obbligu li jifhmu u jħaddnu l-filosfija tagħna, u li jagħtu l-eżempju lill-plejers żagħżagħ li jilgħabu magħhom.
Xi stil ta’ kowċing tħaddan?
Il-ħsieb tiegħi hu li la plejer tkun ġiet għat-training, għandha obbligu lejha inniffisa u lejn sħabha, li tagħti l-100% tal-attenzjoni u l-isforz tagħha, sabiex kemm hi u kemm it-tim ikun jistgħu jaraw xi tip ta’ miljorament fl-aħħar tas-sessjoni. Għalhekk nisħaq illi kull sessjoni ta’ taħriġ ikollha perjodi intensivi ħafna u li jsiru f’atmosfera agonistika, b’ħafna attenzjoni fuq ‘match situations’ li jissimulaw dak li jiġri waqt logħba.
Bħala kowċ inħobb nikkoreġi kull żball li nara dak il-ħin stess, quddiem il-grupp kollu, sabiex iservi bħala ‘teaching moment’ għal kullħadd. Fil-bidu, ħafna bniet, speċjalment fl-ewwel snin tan-nursery, isibu dan l-approċċ diffiċli, għax ma jkunux imdorrijin jiġu kkoreġuti quddiem kullħadd u li jkunu fic-ċentru tal-attenzjoni; imma biż-żmien dan jindera wkoll u jgħin lil plejers jimmaturaw. Nisħaq ukoll li ladarba jkunu fuq il-court, ikun hemm ‘worklike atmosphere’ u li kull minuta tgħodd. Izda f’mumenti oħra inkunu aktar ‘relaxed’, u hadta drawha li ndur u nitkellem mal-plejers fuq affarijiet bħall-iskola u topics oħra, speċjalment waqt l-istretching u l-water breaks.
Tagħmel differenza fl-approċċ bejn li tikkowċja plejers tfal u adulti?
Għalkemm naf illi klabbs oħra jiddiljaw ma plejers adulti b’mod differenti, fejn kultant jidher li jikkmandaw il-plejers daqs jew aktar mill-kowċ, dan ma jeżistix fil-klabb tagħna. Kullħadd jaf illi għandu postu u xogħolu, u kullhadd jadatta għal bżonnijiet tal-klabb u għall-filosofija tal-kowċ. Nikkoreġi lill-plejers adulti kollha daqs kemm nikkoreġi liż-żgħar, għax kullħadd għandu l-obbligu li jibqa’ jitgħallem. B’hekk biss jista’ jkollok ambjent professjonali, kontinwita’ fil-mod kif isiru l-affarijiet, u li jinkisbu r-riżultati mixtieqa.