Friday, December 27, 2024

L-Università ta’ Malta kklassifikata mal-aqwa tlieta fil-mija tal-universitajiet fid-dinja

Il-Ministru Clifton Grima dwar l-istrateġija u inizjattivi li qegħdin isaħħu din l-istituzzjoni edukattiva għolja lokali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Malta qiegħda kklassifikata mal-aqwa 3% fid-dinja meta tqis li n-numru ta’ universitajiet globalment huwa stmat bejn wieħed u ieħor 31,000. Lil hinn mill-klassifiċi ġenerali, bosta mill-punteġġi individwali tal-kriterji li jikkostitwixxu dawn ir-riżultati qegħdin dejjem jitjiebu b’mod konsistenti”. Hekk saħaq il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima f’intervent li kellu fl-ewwel seduta tal-parlament li reġa’ beda jiltaqa’ wara l-waqfien mill-vaganzi tas-sajf.

Il-Ministru Grima b’risposta għal mistoqsija li saritlu dwar il-klassifika b’reputazzjoni għolja tal-Universitajiet fid-dinja, QS World University Ranking 2024 u t-Times Higher Education (THE) World University Rankings 2023, spjega li, “iżjed milli jsiru studji, irid isir monitoraġġ u analiżi kontinwa”. Qal li dan qiegħed isir mill-Kumitat għall-Assikuarazzjoni tal-Kwalità fejn ħabbar li ntlaħqu diversi tragwardi. Dawn jinkludu:

* Rivalutazzjoni ta’ ċerti kriterji bħal thresholds minimi ta’ membri fi ħdan ċertu oqsma. Hawn ġiet imsaħħa l-amministrazzjoni tal-Kumitat għall-Assikurazzjoni tal-Kwalità biex b’hekk tiffoka aktar fuq l-analiżi tal-kriterji varji ta’ dawn il-klassifiċi;

* Sapport kontinwu għar-riċerka u l-publikazzjoni fuq pjattaformi rinomati bħal “Scopus” u “Web of Science”;

* Laqgħat mad-Direttur tal-Librerija biex dejjem titjieb il-parteċipazzjoni tal-akkademiċi fl-OAR u n-numru ta’ akkademiċi bi profil fuq Google Scholar; u 

* Xogħol kontinwu fil-qasam tal-Business Intelligence (BI) biex isir monitoraġġ u analiżi kontiwa ta’ data.

Fid-dettalji li ta, il-Ministru Grima rrefera għall-Pjan Strateġiku ta’ l-Università ta’ Malta li jidentifika l-għanijiet u l-prijoritajiet meħtieġa biex kull sena jitjieb l-operat u tissaħħah l-ambizzjoni li tkun fost l-aqwa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. 

“Wieħed mit-temi strateġiċi jinkludi r-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien li jfittex li jwasslu għall-promozzjoni ta’ riċerka eċċezzjonali billi jiġu attirati riċerkaturi ta’ livell għoli bil-għan li jinħoloq ambjent ta’ riċerka inklussiva u tiġi ssaportjata l-Iskola Dottorali tal-Università biex tikber il-popolazzjoni ta’ studenti dottorali u jiġu indirizzati bżonnijiet lokali u globali, oqsma emerġenti ta’ riċerka u jiġu inkoraġġati clusters ta’ riċerka multidixxipplinari,” speċifika l-Ministru tal-Edukazzjoni.  

Huwa qal li bħala parti mill-istrateġija, filwaqt li din tibqa’ tissalvagwardja r-relevanza tal-qasam, l-Università se tkun qiegħda tgħaqqad ċertu dipartimenti akkademiċi taħt oqsma ta’ suġġetti oħra bil-għan li tikseb ukoll post fil-klassifiċi ta’ oqsma ta’ suġġetti ġodda. B’hekk, l-Università ta’ Malta, tkompli ttejjeb postha f’dawn il-klasssifiċi.

Inizjattiva oħra se tkun li tkompli tqajjem kuxjenza fost il-korp akkademiku dwar l-importanza li wieħed ikollu profil aġġornat fuq “Google Scholar”. Fir-rigward il-Ministru Clifton Grima sostna li, “ir-riċerka hija kriterju importanti fil-klassifiċi msemmija u b’hekk il-preżenza ta’ akkademiċi tal-Università ta’ Malta fuq Google Scholar hija kruċjali. Għaldaqstant, ġie organizzat workshop bil-għan li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ pjattaformi bħalma huwa Google Scholar”.

Il-Ministru Clifton Grima kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija li saritlu mid-deputat tal-PN, Graziella Attard Previ.

Ekonomija

Sport