Monday, December 23, 2024

L-Unjoni Ewropea spiċċat ‘spettatur’ fil-kriżi Afgana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju nhar it-Tlieta li ġejjin l-Unjoni Ewropea se tkun qed tlaqqa’ lill-Ministri għall-Ġustizzja u l-Intern, biex tiddiskuti l-kriżi fl-Afganistan. Kriżi li qed tiżviluppa bis-sigħat u qed toħloq tbatijiet kbar fost eluf kbar ta’ Afgani li jridu joħorġu mill-pajjiż. Sorsi li tkellmu ma’ Talk.mt qegħdin iqajmu mistoqsijiet dwar il-mod kajman u n-nuqqas ta’ azzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea rigward l-Afgani li jridu joħorġu mill-pajjiż u s-skiet tal-pajjiżi membri.

 “Qegħdin nitkellmu fuq persuni li jridu jaħarbu għax hemm biża’ kbira li jispiċċaw ippersegwitati. Dawn, bil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għandhom dritt li japplikaw għall-ażil. Id-domanda tagħna tagħna hi x’se jiġri wara l-aħħar ta’ Awwissu? Se jitħallew waħidhom f’pajjiżhom meta nafu li dawn huma f’periklu?. Kif jiskadi Awwissu, x’se jiġri minn dawn?.”

L-istess sorsi qalulna li “l-Unjoni Ewropea qiegħda tibgħat messaġġ ħażin ħafna. Kellek pajjiżi li sa ftit jiem ilu kienu għaddejjin bi pjani biex jibagħtu lura ammont ta’ refuġjati Afgani. Xi pajjiżi kif raw li t-tensjoni qed tiżdied waqqfu l-pjani. Pajjiżi bħal Greċja u l-Awstrija baqgħu jinsistu. Skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra hu ipprojbit li persuni li jkunu talbu għall-ażil jintbagħtu lura lejn pajjiżi li fihom huma jistgħu jiffaċċjaw periklu. Quddiem dan sa issa l-Unjoni Ewropea għadha ma’ esprimietx ruħha.”

L-istess sors qalilna li “min bħalna jaħdem mill-qrib mar-refuġjati jew persuni li jitolbu ażil jaf li bħalissa għandek tlett kategoriji ta’ nies li jridu jitilbu mill-Afganistan. Għandek il-barranin li dawn huma l-ewwel li nħarġu. Imbagħad għandek Afgani u familthom li ħadmu ma’ l-Amerikani jew suldati ta’ pajjiżi oħra. Dawn ovvjament meqjusin bħala f’riskju. Anki fuq dawn għaddejja ħidma biex jinħarġu. Jinħarġux kollha jew le hi kwistjoni oħra.  Imbagħad għandek ħafna nies oħra li huma magħrufin li ma jappoġġjawx lit-Taliban imma lanqas ħadmu ma’ forzi militari. Nies li kienu jmexxu skejjel jew jaħdmu f’postijiet governattivi tal-gvern. Fuq dawn hemm domanda kbira kemm se jinħarġu, fejn m’hemmx dubju li ħafna minnhom se jitħallew l-art”, sostna l-istess sors.

L-Unjoni Ewropea spiċċat spettatur

L-istess sors qalilna li “l-mod ta’ kif it-Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż, li kien b’mod mgħaġġel ħafna u li ma kienx previst, ħoloq problemi kbar.  Minkejja dan imma wieħed ma jistax ma jippuntax is-swaba lejn l-Unjoni Ewropea u l-ħin pjuttost twil li ttieħed biex jinħarġu ċittadini Ewropej inkluż dawk tal-ambaxxati. Ma’ dan iżda ma ninsewx  il-wegħda Ewropea li ħadd ma kien se jitħalla l-art inkluż l-Afgani li kienu jaħdmu għall-Ewropej. Sa issa imma jidher li għad hemm minnhom li baqgħu l-art”.

L-istess sors qalilna li “l-evakwazzjoni kienu ilhom jafu li se ssir. Biżżejjed ngħidu li l-Ġermanja kienet qed tippjana li tevakwa l-ħaddiema tagħha u nies oħra  sa mill-bidu ta’ Ġunju.  Kienu anke ippjanaw titjiriet mill-Ġermanja. Inqalgħu imma kumplikazzjonijiet b’mod partikolari bil-ħruġ ta’ truppi Ġermaniżi li kienu qed iservu f’żona fit-tramuntana tal-Afganistan. Dawn it-titjiriet spiċċaw tħassru. Jekk tieħu ir-Renju Unit, anke dawn kellhom proċess li kien kajman ħafna”.

L-istess sors saħaq li “ilu magħruf sa minn żmien il-President Trump li kien hemm ftehim mat-Taliban, li jmur lura għal bidu tas-sena 2020, li sa Mejju tas-sena 2021 it-truppi Amerikani ikunu ħarġu mill-Afganistan.   Sa minn dak iż-żmien l-Unjoni Ewropea kellha iċ-ċans kollu biex taħdem strateġija kemm għall-evakwazzjoni ta’ suldati, ħaddiema u anke Afgani oħra.”

L-istess sors saħaq li “sa issa u dan il-punt mistenni jkompli jkun diskuss nhar it-Tlieta, hu dak tal-possibilità li jiżdiedu l-finanzi lil pajjiżi bħal Uzbekistan, Pakistan u Tajikisan, biex dawn jaċċettaw Afgani li qed jaħarbu mill-pajjiż.  Din hi l-istess attitudni li l-Unjoni Ewropea imxiet biha mat-Turkija fil-kriżi tar-refuġjati Sirjani.”

Is-sors qalilna li “rrid nirrimarka li anke l-messaġġ li kien ħiereġ ma kienx wieħed koerenti. Kellek il-President tal-Parlament Ewropew jitkellem b’ton li jrid jintrefa’ l-piż u li jkun hemm għajnuna li dawk li qed jaħarbu, imma imbagħad tisma’ dikjarazzjoni bħal dik tal-Ministru tal-Intern Awstrijakk, Karl Nehammer, li baqa’ jinsisti li Afgani li kellhom applikazzjoni ta’ ażil miċħuda jintbagħtu lura.  Dikjarazzjoni bħal din żgur li hi imbarazzanti għall-Unjoni Ewropea” iddikjara l-istess sors.”

Qed nistennew il-kwoti

Is-sors qalilna li “sa issa għadna qed naraw Unjoni Ewropea tista’ tgħid spettatur. Sa issa għadha qed tiddiskuti meta għandna kriżi li qed tinbidel minn jum għal jum. Għandna l-konvenzjoni li tipproteġi lil dawk li jkunu qed ifittx protezzjoni, iżda dawn m’għandhom ebda garanzija li se jkollhom iċ-ċans li joħorġu mill-pajjiżi biex jagħmlu it-talba tal-ażil. Min se jara li dak li tgħid il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jitwettaq anki mal-Afgani?   Għaliex aktar qed naħsbu fuq li  nibnu ħitan u li jkollna teknoloġija avvanzata fuq il-fruntieri, flok naraw li jinħolqu kwoti biex persuni Afgani jitqassmu ma’ pajjiżi Ewropej?”.

Ħafna pajjiżi għażlu li jibqgħu siktin

L-istess sors qalilna li “f’din il-kwistjoni qed tidher li l-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-politika ta’ sigurtà ma kinitx preparata. Nifhem li kien hemm il-kwistjoni tal-pandemija, li fuqha l-Unjoni Ewropea ħadmet ħafna, imma setgħet ħadmet b’mod ħafna aħjar fuq il-kwistjoni Afgana u l-evakwazzjonijiet.  Ma nistax ma nsemmi l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li ħafna minnhom għażlu li jibqgħu siekta u gallarija. Donnu kulħadd qed jistenna li l-kwistjoni tissolva waħidha jew li ma jmissx magħha.  Fi kriżi dinjija bħal din, li konna ilna ma naraw bħalha snin, konna nistennew li l-pajjiżi Ewropej, juru inizjattiva biex jgħinu lil Afgani li jridu jaħarbu. Hemm ħafna għaqdiet u organizazzjonijiet li lesti jgħinu. Li jonqos hu, li l-Gvernijiet jagħtu direzzjoni”.

Ekonomija

Sport