“L-immigrazzjoni tista’ tkisser lil Unjoni Ewropea minħabba d-differenzi kbar li hemm bejn il-pajjiżi membri dwar din il-kwistjoni.” Hekk sostna Josep Borrell wieħed mill-ogħla diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll Kummissarju għall-Affarijiet Esterni tal-Unjoni.
Borrell qal li l-Istati Membri baqgħu ma sabux triq komuni dwar din il-problema fejn għandu pajjiżi li assolutament ma jridux immigranti f’pajjiżi u oħrajn qegħdin jaċċetawhom.
Id-Diplomatiku jgħid li din il-problema hija ferm akbar minn Brexit. Din il-problema fl-aħħar snin kompliet tikber hekk kif ir-Renju Unit qiegħed jara dgħajjes żgħar ippakjati immigranti jaqsmu lejn il-pajjiż minn Franza, filwaqt li numru ferm akbar qegħdin jitilqu mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Italja.
Borrell waqt li kien qiegħed jiġi intervistat mill-ġurnal The Guardian qal li “l-immigrazzjoni l-akbar qasma li hemm fl-Unjoni Ewropea. Jekk mhux se tinstab soluzzjoni allura l-istess Unjoni tista’ titkisser fiż-żmien li ġej minħabba l-immigrazzjoni,” sostna Borrell.
Qal li minkejja li l-Unjoni Ewropea għanda ftehim f’saħħtu ta’ fruntieri komuni, dwar kif jitqassmu l-immigranti meta jaslu fil-pajjiżi tal-Mediterran ma hemm l-ebda sinjal ta’ qbil.
Hu ammetta li din il-kwistjoni ġejja minħabba kulturi differenti li hemm fl-istess Unjoni Ewropea. “Hemm Stati Membri li jgħidulek li aħna ma nitħaltux ma nies barranin u għalhekk ma rridux immigranti. Jemmnu li huma razza pura u għalhekk ma jaċċettaw qatt persuni minn barra l-pajjiż,” stqarr Borrell waqt l-intervista.
Semma kif pajjiżi oħrajn fuq quddiem nett Spanja ilhom snin jaċċettaw l-immigranti. Qal li Spanja temmen li l-Ewropa għandha bżonn l-immigranti minħabba li l-popolazzjoni dejjem qiegħda tonqos. Il-Gvernijiet Spanjoli dejjem emmnu li jekk wieħed irid isalva x-xogħol fl-Ewropa bilfors hemm bżonn l-immigranti.